
POSITION PAPER
Dwar il-White Paper fuq il-Ġustizzja Riparatriċi
Tal-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern maħruġa fi Frar tal-2009
Malta
2009
WERREJ tad-dokument
Parti I – Ħwejjeġ Preliminari
1. Daħla
2. Radd il-ħajr
3. Ħidma ta’ Mid-Dlam għad-Dawl għall-parowl
4. Ħwejjeġ li MDD taqbel magħhom fil-WP
Parti II – Kummenti u Rakkomandazzjonijiet
5. Parole eligibility date
6. Priġunieri b’għomor
7. Priġunieri barranin
8. Priġunieri barranin bil-multa
9. Priġunieri ‘vjolenti’
10. Preskrizzjoni mill-qrati tal-PED
11. Livelli burokratiċi doppji
12. Pjanifikazzjonijiet
13. Il-formazzjoni tal-Parole Bord
14. Parole Officers
15. Probation Office Victim Support Unit
16. Is-sehem tal-NGOs
17. Il-possibbiltà ta’ opt out
18. Kumpens lill-vittmi
19. Kumpens lill-vittmi u remissjoni
20. Is-sistema tar-remissjoni
21. Introduzzjoni b’target dates
22. Applikabbilità retro-attiva
23. Akkademja Annwali tal-Parowl
Parti III – Ġabra tar-Rakkomandazzjonijiet
Parti I
ĦWEJJEĠ Preliminari
1. Daħla
1.1. Din il-Position Paper tħejjiet mill-fondazzjoni Mid-Dlam għad-Dawl (MDD) bħala tweġiba għall-White Paper (WP) maħruġa mid-Direttorat għall-Iżvilupp tal-Politika fi ħdan il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern fl-20 ta’ Frar tal-2009 bit-terminu massimu għal kummenti u rakkomandazzjonijiet sat-30 ta’ Ġunju tal-2009.
1.2. It-tweġiba ġiet konkluża wara diskussjonijiet interni ta’ MDD, kif ukoll wara diskussjonijiet ma’ esperti fil-qasam, ma’ uffiċjali u gwardjani tal-ħabs, ma’ priġunieri Maltin u barranin, ma’ eks-priġunieri, ma’ familji ta’ priġunieri, u mal-pubbliku in ġenerali.
1.3. Il-Position Paper għandha l-istat formali ta’ tweġiba uffiċjali skond deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv ta’ MDD meħuda fis-16 ta’ Ġunju tal-2009 waqt seminar intern organizzat għal dan l-iskop.
1.4. Filwaqt li umilment tissottometti din il-Position Paper lir-Restorative Justice Task Force għall-attenzjoni u l-kunsiderazzjoni tiegħu, kif ġiet mistiedna li tagħmel fil-WP, MDD iżżomm id-dritt li taqsam dan l-istess dokument, in parte seu in toto, ma’ terzi persuni.
2. Radd il-ħajr
2.1. MDD trid tieħu din l-okkażjoni sabiex tirringrazzja b’mod uffiċjali lill-Onor. Prim Ministru, Dr Lawrence Gonzi, għall-appoġġ li dejjem ta lil MDD fil-ħidmiet tagħha u, b’mod partikulari, fil-ħidma tagħha għall-introduzzjoni tal-parowl f’Malta. Tirringrazzjah b’mod speċjali talli, fil-mument delikat ta’ qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali, sema’ b’attenzjoni kbira lil MDD u aġixxa pożittivament fuq il-kelma li taha li jinkludi l-wegħda tal-introduzzjoni tal-parowl fil-programm elettorali tal-partit tiegħu.
2.2. Mhux anqas, MDD tirringrazzja ħafna lill-Onor. Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern, Dr Carm Mifsud Bonnici, għax taf bl-impenn li ħa fuqu nnifsu, kemm qabel kif ukoll wara l-aħħar elezzjoni ġenerali, sabiex jintroduċi l-parowl f’Malta. Il-fondazzjoni hija konxja ta’ xi wħud mid-diffikultajiet qawwija li kellu jiffaċċja fis-skiet l-Onor. Ministru sabiex jippromwovi din il-kawża.
2.3. Il-fondazzjoni tirringrazzja wkoll lil dawk il-membri tad-Direttorat għall-Iżvilupp tal-Politika fi ħdan il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern, b’mod partikulari lil Ms Joyce D’Amato, tal-ħidma siewja li għamlu sabiex isawwru l-WP preżenti. MDD tirringrazzjahom talli, tul id-diskussjonijiet u d-deliberazzjonijiet tagħhom, qiesu sewwa l-proposti li għamlet MDD tul l-aħħar erba’ snin u anki inkludiet xi wħud minnhom fil-WP innifisha.
2.4. F’dan il-kuntest, il-fondazzjoni trid turi wkoll il-gratitudni kbira tagħha lil żewġ membri tal-Kamra tad-Deputati li, sa mill-bidu tal-ħidma tagħha fl-2005 għall-introduzzjoni tal-parowl f’Malta tawha għajnuna kbira―kemm legali, kemm teknika, kif ukoll loġistika―għas-suċċess ta’ din l-istess ħidma, jiġifieri l-Onor. Dr Jason Azzopardi, deputat tal-Partit Nazzjonalista (illum Segretarju Parlamentari ta’ Erarji Pubbliċi u Artijiet fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment), u l-Onor. Dr José Herrera, deputat tal-Partit Laburista (illum Kelliem Ewlieni tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja).
2.5. Fl-aħħar iżda mhux lanqas, MDD trid tirringrazzja wkoll lil dawk kollha li b’xi mod taw sehemhom fil-kampanja li hija għamlet sa mill-2005 għall-introduzzjoni tal-parowl f’Malta. Dawn jinkludu ħafna priġunieri, kemm Maltin kif ukoll barranin, għadd ta’ familji ta’ priġunieri, diversi eks-priġunieri, u anki bosta membri li kienu jew għadhom parti mill-korp amministrattiv tal-ħabs ta’ Kordin.
3. Ħidma ta’ MDD għall-parowl
3.1. Il-ħidma ta’ MDD għall-introduzzjoni tal-parowl f’Malta bdiet b’mod sistematiku fl-2005. Il-ħidma kollha saret fi sħubija kontinwa ma’ priġunieri (kemm Maltin kif ukoll barranin), familji tal-priġunieri u eks-priġunieri.
3.2. Din il-ħidma ġiet rikonoxxuta kemm-il darba mill-gvern b’mod mhux uffiċjali f’diversi okkażjonijiet. Iżda, issa li wasalna sal-punt li ġiet imxandra WP, MDD tistenna li dan ir-rikonoxximent mill-gvern jingħata b’mod aktar ċar u uffiċjali filwaqt li jiġi rikonoxxut ukoll is-sehem sinifikanti li l-NGO tagħna tat f’dan il-qasam bħala organu attiv tal-komunità ċivili.
3.3. Il-ħidma interna tal-kampanja ta’ MDD għall-introduzzjoni tal-parowl f’Malta bdiet fis-sajf tal-2005 bi studji speċjalizzati dwar il-parowl fi ħdan il-Kumitat Eżekuttiv ta’ MDD. Din il-ħidma kompliet b’ħafna laqgħat ta’ diskussjoni ma’ esperti fil-qasam, ma’ uffiċjali u gwardjani tal-ħabs, ma’ priġunieri Maltin u barranin, ma’ eks-priġunieri u ma’ familji ta’ priġunieri. Dan kollu wassal sabiex jiġu mħejjija proposti speċifiċi u konkreti ta’ kif u għaliex il-parowl kellha tiġi introdotta f’Malta. F’dawn it-tħejjijiet anki tfassal pjan strateġiku u tattiku ta’ kif il-ħidma għall-introduzzjoni tal-parowl f’Malta kellha tissokta, speċjalment fil-pubbliku.
3.4. Il-ħidma pubblika tal-kampanja ta’ MDD għall-introduzzjoni tal-parowl f’Malta bdiet fl-1 ta’ Marzu tal-2006, meta ġie organizzat seminar nazzjonali. F’din l-okkażjoni, MDD ħabbret għall-ewwel darba l-proposti tagħha għall-introduzzjoni tal-parowl f’Malta. Fost il-kelliema fis-seminar kien hemm l-Onor. Ministru għall-Ġustizzja u l-Intern, Dr Tonio Borg; l-Onor. Deputat nazzjonalista, Dr Jason Azzopardi; l-Onor. Deputat laburista, Dr José Herrera; u l-Kelliem Ewlieni tal-Oppożizzjoni għall-Intern, Dr Gavin Gulia. Is-seminar sar fil-Millennium Chapel Complex, Paceville. L-attendenza tal-pubbliku kienet eċċellenti, kif ukoll l-attenzjoni tal-istampa.
3.5. Fis-27 ta’ Ottubru tal-2006 MDD waqqfet Kummissjoni Mħallta ta’ Ħidma għall-koordinament tax-xogħol b’riżq id-dħul tal-parowl f’Malta. Din il-kummissjoni kienet magħmula mill-Onor. Deputat nazzjonalista, Dr Jason Azzopardi; l-Onor. Deputat laburista, Dr José Herrera; id-Direttur Ġenerali ta’ MDD, Dr Mark Montebello (illum PRO tal-istess fondazzjoni); is-Segreatrju Ġenerali ta’ MDD, is-Sur George Busuttil; żewġ eks-priġunieri; u żewġ rappreżentanti tal-familji tal-priġunieri. Il-laqgħat tal-kummissjoni―parzjali jew plenarji―baqgħu jsiru b’mod regolari sa Frar tal-2007.
3.6. Fost ħwejjeġ oħra, il-Kummissjoni fassla żewġ pjani alternattivi ta’ ħidma għall-introduzzjoni legali tal-parowl f’Malta. Pjan ‘A’ kien li jsiru proposti fil-parlament għal emendi fil-liġijiet ta’ Malta mill-Onor. Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern rispettiv. Il-pjan alternattiv ‘B’ kien li jitressaq fil-parlament ‘Private Members’ Bill’ minn Dr Jason Azzopardi u Dr José Herrera. Din kienet tkun l-ewwel darba fl-istorja tal-Parlament Malti li tali miżura tittieħed miż-żewġ naħat tal-Kamra tad-Deputati flimkien.
3.7. F’Jannar tal-2007 il-Kummissjoni Mħallta ta’ Ħidma ta’ MDD ħejjiet Abbozz ta’ Liġi bħala bażi għat-taħdidiet speċjalizzati b’riżq l-introduzzjoni tal-parowl f’Malta. L-Abbozz ġie imbagħat approvat mill-Kumitat Eżekuttiv ta’ MDD. Wara, dan l-Abbozz ġie mibgħut lill-membri kollha tal-gruppi parlamentari ta’ kull naħa tal-Kamra tad-Deputati, lill-Gabinett u lil diversi professjonisti u esperti oħra interessati fil-qasam.
3.8. Fis-26 ta’ April tal-2007 MDD sejjaħ business lunch għall-ġurnalisti li fih ngħatat informazzjoni dwar il-proposti ta’ MDD għall-introduzzjoni tal-parowl f’Malta. Għaliha attendew diversi membri tal-istampa. Fost oħrajn, il-laqgħa ġiet indirizzata mill-Onor. Deputat nazzjonalista, Dr Jason Azzopardi; l-Onor. Deputat laburista, Dr José Herrera; u d-Direttur Ġenerali ta’ MDD, Dr Mark Montebello.
3.9. Fir-rebbiegħa u l-bidu tas-sajf tal-2007 MDD ħadet ħsieb li jinkitbu diversi artikli dwar il-parowl fil-gazzetti lokali, kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż. Dawn l-artikli qajmu diskussjoni pubblika matura u wasslu bosta preżentaturi ta’ diversi televiżjonijiet u radijiet lokali sabiex itellgħu għadd ta’ programmi ta’ diskussjoni fuq l-entitajiet rispettivi tagħhom. L-artikli nkitbu l-aktar mill-Onor. Deputat nazzjonalista, Dr Jason Azzopardi; l-Onor. Deputat laburista, Dr José Herrera; u d-Direttur Ġenerali ta’ MDD, Dr Mark Montebello, f’isem MDD.
3.10. Fis-sajf tal-2007 l-Abbozz ta’ Liġi mħejji minn MDD ġie diskuss mill-gruppi parlamentari taż-żewġ naħat tal-Kamra tad-Deputati. L-Onor. Deputat nazzjonalista, Dr Jason Azzopardi, ħa ħsieb id-diskussjoni fi ħdan il-grupp parlamentali nazzjonalista u l-Onor. Deputat laburista, Dr José Herrera, ħa ħsieb dik fi ħdan il-grupp parlamentari laburista.
3.11. Fil-21 ta’ Marzu tal-2007, bi tħejjija għall-elezzjoni ġenerali (li eventwalment saret fit-8 ta’ Marzu tal-2008), MDD uffiċjalment iddiskutiet il-proposti tagħha għall-introduzzjoni tal-parowl f’Malta mal-Kap tal-Alternattiva Demokratika ta’ dak iż-żmien, Dr Harry Vassallo. L-istess proposti ġew diskussi fit-13 ta’ Ġunju u fit-28 ta’ Lulju tal-2007 mal-Onor. Segretarju Parlamentari fil-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern ta’ dak iż-żmien, Dr Carm Mifsud Bonnici (illum Ministru tal-istess Ministeru); fit-2 ta’ Lulju tal-2007 mas-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien, is-Sur Joe Saliba, u fil-11 ta’ Lulju tal-2007 u fl-4 ta’ Frar tal-2008 mal-Kelliem Ewlieni tal-Oppożizzjoni għall-Intern ta’ dak iż-żmien, Dr Gavin Gulia.
3.12. Fil-5 ta’ Novembru tal-2007 MDD uffiċjalment kitbet lill-partiti ewlenin li kienu se jikkontestaw l-elezzjoni ġenerali li jmiss―il-Partit Nazzjonalista, il-Partit Laburista u l-Alternattiva Demokratika―sabiex tħeġġiġhom jinkludu fil-programmi elettorali tagħhom wegħda għad-dħul tal-parowl f’Malta.
3.13. Bi tħejjija għall-istess elezzjoni ġenerali, fit-2 ta’ Frar tal-2008 MDD kellha laqgħa uffiċjali mal-Onor. Prim Ministru, Dr Lawrence Gonzi, fil-preżenza tal-Onor. Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern ta’ dak iż-żmien, Dr Tonio Borg (illum Ministru tal-Affarijiet Barranin), l-aktar dwar l-introduzzjoni tal-parowl f’Malta. F’din l-okkażjoni MDD ġiet assigurata mill-Onor. Prim Ministru li l-Partit Nazzjonalista jinkludi fil-programm elettorali l-wegħda li l-istess partit fil-gvern jintroduċi l-parowl f’Malta tul l-ewwel legislatura tiegħu. Din l-assigurazzjoni ġiet imwettqa u, f’paragrafu nru. 271, il-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista xandar din il-wegħda:
Issir liġi dwar il-parole li tkun amministrata minn ġudikant, sabiex dawk li verament jirriformaw ruħhom jibbenifikaw minnha b’ħelsien qabel iż-żmien ‘bi prova’.
3.14. Wara l-elezzjoni ġenerali, MDD iltaqgħet tliet darbiet mal-Onor. Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern, Dr Carm Mifsud Bonnici, li kien inħatar f’din il-kariga fit-12 ta’ Marzu tal-2008. Dawn il-laqgħat saru fil-11 ta’ April, is-16 ta’ Mejju u t-13 ta’ Ġunju tal-2008, u fihom ġiet diskussa l-introduzzjoni tal-parowl f’Malta u, b’mod partikulari, il-proposti ta’ MDD f’dan ir-rigward.
3.15. Fis-6 ta’ Mejju tal-2008 MDD uffiċjalment issottomettiet Rapport dwar il-għamla li biha setgħet tiġi introdotta l-parowl f’Malta lill-Onor. Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern, Dr Carm Mifsud Bonnici. Dan sar wara talba tal-istess Onor. Ministru fil-laqgħa li MDD kellha miegħu fil-11 ta’ April ta’ qabel. Dan ir-Rapport kien ġie mħejji minn MDD wara diskussjonijiet ma’ esperti fil-qasam, ma’ uffiċjali u gwardjani tal-ħabs, ma’ priġunieri Maltin u barranin, ma’ eks-priġunieri u ma’ familji ta’ priġunieri. Kopji tar-Rapport intbagħtu lill-Onor. Prim Ministru u lill-Gabinet.
3.16. Fis-17 ta’ Lulju tal-2008 l-Onor. Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern, Dr Carm Mifsud Bonnici, pubblikament ħabbar għall-ewwel darba li l-Ministeru tiegħu kien se jxandar fi ftit żmien WP dwar l-introduzzjoni tal-parowl f’Malta. Dan sar waqt laqgħa pubblika ta’ MDD taħt il-patroċinju tal-istess Onor. Ministru. Din il-laqgħa kienet issejħet minn MDD sabiex ixxandar pubblikazzjoni bl-isem The Resettlement of Malta Prisoners (ISBN 978-99932-26-07-9) bir-riżultati tar-riċerka xjentifika li kienet għamlet hija stess mal-priġunieri Maltin f’Jannar ta’ qabel. Fost ħwejjeġ oħra, il-pubblikazzjoni kellha wkoll prefazju miktub mill-Onor. Ministru Mifsud Bonnici li fih anki kiteb dwar il-parowl u l-ġustizzja riparatriċi.
3.17. Tul il-ħarifa tal-2008 u l-bidu tax-xitwa tal-2009 MDD għamlet pressjoni sabiex il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern jippubblika l-WP inwiegħda fil-bidu tas-sajf ta’ qabel. Din il-pressjoni inżammet kostanti sax-xandir tal-WP fl-20 ta’ Frar tal-2009 u ħadet għamla ta’ pubblikazzjonijiet pubbliċi u komunikazzjonijiet privati mal-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern.
3.18. Fix-xhur ta’ wara l-pubblikazzjoni tal-WP fl-20 ta’ Frar tal-2009, MDD ħadet sehem f’diversi xandiriet (radjufoniċi, televiżivi u stampati) sabiex twassal il-fehmiet preliminari tagħha fil-pubbliku fuq il-kontenut tal-WP. Dan l-impenn baqa’ għaddej sa Ġunju tal-2009.
3.19. Fl-istess perjodu, MDD baqgħet f’diskussjonijiet kontinwi ma’ priġunieri, eks-priġunieri, familji tal-priġunieri, membri tal-korp amministrattiv ta’ Kordin, Deputati tal-Kamra tar-Rappreżentanti u esperti fil-qasam tal-kriminoloġija, il-korrezzjonijiet u l-ġustizzja kriminali sabiex tistħarreġ il-fehmiet tagħhom dwar il-kontenut tal-WP u tinforma ruħha dwar il-perspettivi tagħhom fir-rigward.
3.20. Fit-30 ta’ April tal-2009, MDD organizzat laqgħa pubblika li fiha ħadu sehem, fost oħrajn, l-Onor. Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern Dr Carm Mifsud Bonnici, il-membru tad-Direttorat għall-Iżvilupp tal-Politika fi ħdan il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern Ms Joyce D’Amato, membri oħra distinti tas-sistema tal-ġustizzja kriminali, u membri tal-pubbliku. Dan l-eżerċizzu sar sabiex jissokta jingħata smiegħ pubbliku dwar is-sistema tal-parowl u l-introduzzjoni tagħha f’Malta.
4. Ħwejjeġ li MDD taqbel magħhom fil-WP
4.1. MDD jidhrilha li l-WP ippreżentata mill-gvern bażikament tissenjala pass fid-direzzjoni t-tajba. Mingħajr ebda preġudizzju għal dak kollu li jingħad fit-Tieni Taqsima ta’ dan ir-Rapport, dawn li ġejjin huma xi ħwejjeġ mislutin mill-WP li MDD tqis li huma pożittivi u, b’mod ġenerali, taqbel magħhom. Punti oħra ta’ qbil huma indikati fit-test tat-Tieni Taqsima nnifisha.
4.2. Ġustizzja Riparatriċi: MDD taqbel totalment mal-prinċipju ta’ ġustizzja riparatriċi (jew ġustizzja restorattiva) u l-introduzzjoni ta’ din il-perspettiva f’pajjiżna (#1.1.1, para. 1). Hija temmen li, fit-tul taż-żmien, il-mudell ta’ ġustizzja punittiva li fuqu hu mibni l-qafas tas-sistemi ġudizzjarji u penali ta’ pajjiżna ma taħdimx. Għaldaqstant, l-introduzzjoni tal-prinċipju ta’ ġustizzja restorattiva hija ċertament kommandabbli.
4.3. Parowl: Naturalment, MDD taqbel bis-sħiħ mal-introduzzjoni tas-sistema tal-parowl f’pajjiżna (## 2.1, para. 2; 2.4, para. 1). Hija tqis din l-introduzzjoni hija l-aktar pass kuraġġuż u benefikanti li se jiġi mwettaq mill-gvern mir-riformi tal-1994 lil hawn. Għalkemm MDD ma tqisx li dan il-pass jista’ jitqies bħallikieku kien xi makketta maġika li kapaċi jirranġa s-sistema kurrenti penali kollha, huwa ċertament rinnovazzjoni sinifikanti ħafna.
4.4. Impatt negattiv tal-ħabs: MDD taqbel bis-sħiħ ma’ l-affermazzjoni fil-WP fuq l-impatt negattiv tal-ħabs (#2.1, para. 4). Kull inkarċerazzjoni tħalli impatt bħal dan, mhux biss fuq il-priġunieri, imma wkoll fuq il-familji tagħhom u fuq is-soċjetà in ġenerali. MDD ilha taħdem fi ħdan is-sistema penali għal dawn l-aħħar 14-il sena u għaldaqstant dan tista’ tikkonfermah b’wiċċha minn quddiem u b’responsabbiltà sħiħa.
4.5. OAB u PB: MDD taqbel mas-separazzjoni proposta fil-WP bejn ir-rwol tal-Offender Assessment Board (OAB) u dak tal-Parowl Bord (PB) (#1.1.1, para. 1; 1.2, para. 1). Din is-separazzjoni mhux biss tqassam ix-xogħol rispettiv li jkollu jsir fuq bażi regalari, imma wkoll tgħin fit-trasparenza tas-sistema.
4.6. Żewġ rapporti: MDD taqbel mal-kunċett li jsiru żewġ rapporti dwar priġunier, wieħed preliminari u wieħed evalwattiv (#2.1, para. 4). Huwa mifhum li b’dan il-mod il-priġunier jiġu identifikati, mhux biss l-oqsma li jeħtieġu intervent, imma wkoll ir-rekord tal-progress.
4.7. PB: MDD taqbel ħafna mal-idea li l-PB ikollu awtonomija u indipendenza fid-deċiżjonijiet li jilħaq (#2.1, para. 6). Dawn il-prerogattivi għandhom jispettaw lill-PB biss u l-leġislatur m’għandu jħalli ebda awtorità oħra, penali jew ġudizzjarja, toħnoq bl-iċken mod din l-awtonomija u indipendenza ta’ azzjoni.
4.8. Parole mhux awtomatiku: MDD taqbel mal-prinċipju li l-parowl ma tkunx awtomatika (#2.6, para. 6). Jekk dan ma jsirx, imqar f’każ wieħed biss, is-sistema kollha titlef l-iskop u l-benefiċju kollu tagħha.
4.9. Rintraċċament elettroniku: MDD taqbel mal-idea tal-electronic tagging (#2.6, para. 6). Hija tifhem li din teħtieġ investiment xieraq u sopra-struttura rispettiva. Però, MDD hija konvinta li din l-għodda tista’ tgħin ħafna fil-proċessi ta’ kontroll u nuqqas ta’ reċidività.
4.10. PED u arrest: MDD taqbel li l-Parole Eligibility Date (PED) tiġi kkalkulata mill-mument li priġunier ikun ġie inkarċerat b’arrest (#2.10). Dan hu ġust. Il-prattika li ġieli wżaw xi qrati kriminali li ma jgħoddux fis-sentenzi tagħhom l-inkarċerazzjoni b’arrest hi ħażina, għax ħabs b’arrest jibqa’ ħabs veru u proprju.
4.11. Ebda appell: MDD taqbel li deċiżjoni negattiva tal-PB ma tkunx tista’ tiġi appellata (#2.12, para. 2). Dan jikkumplimenta l-mekkaniżmu li jiġi determinat PED ieħor fil-futur qarib.
4.12. Multa konvertita: MDD taqbel li multa li priġunier ma jkunx jista’ jħallas tiġi kkonvertita f’Community Service Order (CSO) (#2.13.1, para. 2). Ħafna drabi, dawn it-tip ta’ multi jitħallsu mill-familji rispettivi ta’ priġunier u mhux mill-priġunier innifsu. Għaldaqstant, b’dan il-mod ir-responsabbiltà tal-multa titqiegħed għal darba oħra fuq il-priġunier.
4.13. Minorenni: MDD taqbel mal-prinċipju li l-minorenni jkollhom xi provedimenti legali speċjali ħalli jkollhom PED aktar kmieni mill-każijiet ta’ maġġorenni (#2.13.2, para. 1). MDD jidhrilha li l-minorenni għandhom jiġu mhejjuna kemm jista’ jkun bl-anqas tħarbit possibbli għal ħajjithom permezz tal-inkarċerazzjoni.
4.14. L-istess qorti: MDD taqbel bis-sħiħ li l-każijiet kollha relevanti ta’ persuna għandhom jinġiebu quddiem l-istess qorti kriminali (#2.13.3a). In-nuqqas ta’ dan qiegħed joħloq ħafna sitwazzonijiet biżarri fejn persuna tiġi kkundannata għall-istess reat (bħal reċidività) aktar minn darba. Min-naħa l-oħra, qorti kriminali waħda tista’ tieħu kont aħjar tas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata.
4.15. Priġunerija evitata: MDD taqbel b’mod assolut li persuni li jkunu temmew b’suċċess programm ta’ riabilitazzjoni m’għandhomx jerġgħu jintbagħtu l-ħabs fuq każijiet qodma (#2.13.3b). Il-prattika kuntrarja għal din kienet qed iġġib ħafna ħsara inutli u tirrendi futli ħafna xogħol siewi li jkun sar mill-entitajiet riabilitattivi.
4.16. Appell dixxiplina: B’mod ġenerali, MDD taqbel mas-sistema proċedurali proposta fil-WP għal appelli minn deċiżjonijiet dixxiplinari fil-ħabs (#3.1, para. 7). Wieħed irid jgħid f’dan il-kuntest li s-sistema wżata s’issa ma kinetx ħażina, imma, naturalment, titjib tagħha hu dejjem xieraq.
4.17. Remissjoni u parowl: MDD taqbel li s-sistema tar-remissjoni u l-parowl jibqgħu jiġu mħaddma paralellament (#3.1, para. 1). Dan għandu jassigura li kull priġunier, huma x’inhuma ċ-ċirkustanzi tiegħu, ikollu inċentivi xierqa għall-kooperazzjoni u d-dixxiplina tiegħu.
4.18. Petizzjonijiet presidenzjali: MDD taqbel li petizzjonijiet li jsiru minn priġunieri lill-President ta’ Malta jiġu ttrattati mill-OAB u l-PB (#4.2, para. 3). L-istrutturi maħluqa għandhom ikunu kompetenti biżżejjed sabiex jittrattaw ma’ dawn it-tip ta’ petizzjonijiet.
4.19. Edukazzjoni formali: MDD taqbel ħafna li fil-ħabs jiġu żviluppati strutturi u metodi ġodda ta’ edukazzjoni formali (#5.2, para. 3). Għalkemm MDD ma tqisx li l‑WP hi wisq konvinċenti dwar dan, tqis li dan il-bżonn huwa reali u urġenti.
4.20. VOM: MDD taqbel mas-sistema tal-Victim Offender Mediation (VOM) (#6.5, para. 2). Filwaqt li tqisha bħala mekkaniżmu utli ħafna għall-ġustizzja restorattiva, MDD ma taħsibx li l-WP tagħtiha r-relevanza jew l-attenzjoni li tixilqilha. Infatti, dwar dan jidher li jeħtieġ ħafna aktar riflessjoni qabel ma tiġi stabbilita xi għamla ta’ leġislazzjoni relevanti.
4.21. VOM voluntarju: MDD taqbel perfettament mal-istqarrija tal-WP li l-għażla tal-VOM għandha tkun dejjem voluntarja (#6.5, para. 2). Dan jgħodd kemm għall-offensur u kemm għall-vittmi. Fil-kuntest tal-filosofija tal-ġustizzja restorattiva, VOM li mhijiex hekk hi kontradizzjoni ta’ termini.
4.22. Informazzjoni lill-vittmi: MDD taqbel li l-vittmi relevanti tal-kriminalità għandhom ikunu informati bir-rilaxx ta’ priġunier fuq parowl (#6.6, para. 2). Fil-fatt, dan hu rikjest mil-leġislazzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea.
4.23. Charter għall-vittmi: MDD taqbel li għandu jiġi miktub u ppubblikat Charter għall-vittmi tal-kriminalità (#6.8). Minkejja li aktarx dokumenti bħal dan ikun ta’ natura morali jew eżortattiva, għallanqas jistabbilixxi ċerti kriterji u livelli ta’ servizz li jservu ta’ ideal fil-ħidma għall-ħarsien tad-drittijiet ta’ l-istess vittmi.
4.24. CSO: MDD taqbel li l-qrati kriminali jingħataw id-deskrizzjoni li jqiegħdu lil persuni taħt CSO anki meta dan mhuwiex previst fl-Att dwar il-Probation (#6.10, para. 3). Is-CSO tista’ tkun għodda siewja ħafna għar-riabilitazzjoni tal-persuni, għalkemm mhux jekk ma jinħolqux ukoll l-istrutturi meħtieġa biex is-CSO titħaddem b’mod xieraq.
Parti iI
KUMMENTI U RAKKOMANDAZZJONIJIET
5. Parole eligibility date
5.1. MDD hija konxja li hemm ħafna u ħafna sistemi ta’ kif tista’ tinħadem il-kwestjoni tal-eliġibbiltà ta’ priġunier għall-parowl (PED) u dawn is-sistemi jkomplu jitkattru meta s-sistema tkun waħda f’kombinazzjoni ma’ dik tar-remissjoni. Għalkemm il-WP ma tiddetermina xejn speċifiku dwar kemm irid jgħaddi żmien minn sentenza/i sabiex priġunier ikun jista’ jkun eliġibbli għall-parowl, il-ħsieb donnu jinġabar madwar tliet possibbiltajiet: wara l-mogħdija ta’ nofs is-sentenza/i, wara żewġ terzi, wara tliet kwarti jew wara kombinazzjoni ta’ xi waħda jew aktar minn dawn (WP #2.6, para. 2-4).
5.2. Il-PED se tirrifletti l-attitudni bażika li l-leġislatur għandu fir-rigward ta’ diversi aspetti tas-sistema tal-parowl. Għaldaqstant, hemm erba’ ħwejjeġ li aktarx il-leġislatur irid jikkunsidra sew qabel ma jiġi biex jiddetermina l-modalità tal-PED:
5.2.1. L-ewwelnett, aktarx irid iżomm sew f’moħħu l-filosofija wara l-introduzzjoni tal-parowl u l-fiduċja li wieħed għandu f’din is-sistema. Jekk il-leġislatur tabilħaqq jemmen fil-benefiċċji tal-parowl, allura għandu jfittex li jagħmilha kemm jista’ jkun possibbli li jħajjar priġunieri sentenzjati sabiex jagħżlu l-parowl flok ir-remissjoni. Jekk ma jemminx fiha, allura jagħmilhielhom kemm jista’ jkun diffiċli jew impossibbli li jitħajjru għaliha.
5.2.2. It-tieni, il-leġislatur aktarx irid iżomm ukoll f’moħħu l-ideoloġija terapewtika li se tkun tamina s-sistema tal-parowl f’Malta. Dan ifisser li, apparti li l-priġunieri sentenzjati se jkunu qegħdin jiġu mħajjra jagħżlu l-parowl flok ir-remissjoni, fl-istess waqt ikunu qed jiġu mħajjra wkoll sabiex jieħdu wkoll programmi edukattivi u vokazzjonali. Għaldaqstant, aktar ma wieħed ikollu priġunieri sentenzjati jitnaffru mill-parowl minħabba PED irrealistika, aktar se jkollu minnhom li jibqgħu lura milli jaċċessaw dawn il-programmi. Presumibbilment, dan hu effett li l-leġislatur ma jixtieqx jiġġenera.
5.2.3. It-tielet, it-tul tas-sentenzi―u, għalhekk, il-mutabilità lonġitudjonali tal-PED f’kull każ partikulari―diġà huwa regolat minn sistema stabbilita bil-liġi u ppruvata fil-prattika. Dan ifisser li l-PED tirrifletti b’mod awtomatiku l-gravità tal-każ/ijiet li priġunier issentenzjat jista’ jkollu u allura mhemmx għalfejn li l-leġislatur joqgħod jipprova jikkomplika l-istorja għalxejn. Aktarx il-kompitu tiegħu f’dan ir-rigward hu li jikkonċentra fuq iż-żewġ elementi l-oħra li ssemmew fil-paragrafi ta’ qabel.
5.2.4. Ir-raba’, hemm il-kwestjoni delikata tal-perċezzjoni tal-komunità soċjali dwar il-livell ta’ riskju li priġunier meħlus fuq parowl jista’ joħloq għas-sigurtà tagħha. Is-soċjetà afdat is-sigurtà tagħha f’idejn il-leġislatur u dan ma jistax jagħti mqar l-impressjoni li qiegħed jipperikolaha jew jiddegradaha. Fi kliem ieħor, mingħajr il-periklu li jiddajjef is-sens ta’ siġurtà soċjali, il-pubbliku ma jistax jingħata mqar l-impressjoni li għal-leġislatur ċerti reati huma tal-istess kwalità ta’ reati oħrajn jew komuni. Dan aktarx għandu jwassal għal argument favur komputazzjonijiet differenti ta’ PED.
5.3. B’konsiderazzjoni għall-ewwel element imsemmi hawnfuq, u la darba r-remissjoni hija ffisata skond il-liġi għal żewġ terzi ta’ kull sentenza, ebda priġunier issentenzjat ma jista’ sensatetment jitħajjar għall-parowl jekk il-PED tkun ta’ żewġ terzi jew aktar.
5.4. B’konsiderazzjoni għar-raba’ element imsemmi hawnfuq, MDD tipproponi li s-sistema Maltija tal-PED tkun tixbah lil dik Ingliża (kif indikat fil-WP #2.6, para. 4), jiġifieri li:
· Għal priġunieri li s-sentenza/i tagħhom ikunu ta’ bejn sena u erba’ snin, il-PED tagħhom tkun ta’ terz tal-ammont tas-sentenza/i; u
· Għal priġunieri li s-sentenza/i tagħhom ikunu ta’ aktar minn erba’ snin, il-PED tagħhom tkun ta’ nofs l-ammont tas-sentenza/i.
6. Priġunieri b’għomor
6.1. Il-WP tistipula li, b’mod ġenerali, il-priġunieri sentenzjati għal għomorhom il-ħabs ma jikkwalifikawx għall-parole licence (PL; #2.9, punt 7). Però, iżżid ukoll li, “f’ċirkostanzi speċjali, fuq petizzjoni lill-President tar-Repubblika, jistgħu jingħataw il-fakultà li jippreżentaw din it-talba” (ibid.).
6.2. F’din l-istqarrija, hemm żewġ affarijiet li fis jiġbdu l-attenzjoni:
6.2.1. Il-WP ma tispeċifikax x’jiġifieri “ċirkustanzi speċjali”. Kliem bħal dan hu stramb, speċjalment meta tqis li kull sentenza ta’ għomor, kemm dik li hija finali kif ukoll dik li mhijiex, tkun ingħatat għal ċirkustanzi li jistgħu jitqiesu speċjali dejjem. Qajla jistgħu jitqiesu ordinarji. Jekk jiddaħħlu fil-liġi, kliem bħal dan jista’ jagħtu lok għal interpretazzjoni arbitrarja bi preġudizzju serju kemm għall-ġustizzja kif ukoll għall-priġunier. Għaldaqstant, kliem bħal dan għand jiġi evitat għal kollox.
6.2.2. Għalkemm il-WP tispeċifika li biex priġunier b’sentenza ta’ għomor ikun jikkwalifika għall-PL irid prerogattiva tal-maħfra presidenzjali, ma tgħidx jekk il-priġunier, la darba jikseb din il-maħfra, ikunx imbagħad eliġibbli immedjatament għall-parowl jew jekk dan tikkwalifikahx għas-sempliċi identifikazzjoni ta’ xi PED (li tista’ ma tkunx immedjata). Il-liġi ma tistax tħalli mingħajr speċifikazzjoni eżatta element essenzjali bħal dan.
6.3. Għar-raġuni msemmija aktar ’il fuq (#5.2.4.), jista’ jitqies komprensibbli li l-WP turi ċert eżitazzjoni fl-għoti tal-possibbiltà tal-parowl lil priġunieri sentenzjati għal għomorhom il-ħabs. Iżda dan mhux neċessarjament għandu jfisser li jinħoloq doppjaġġ ta’ mekkaniżmi burokratiċi superfluwi.
6.4. Dan jingħad fid-dawl ta’ dak li jingħad fil-WP (#4.2, para. 3) fir-rigward tal-proċedura ta’ petizzjoni presidenzjali, jiġifieri li x-xogħol tal-PB, flok jieħu d-deċiżjoni finali hu, “jgħaddi r-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar ir-rilaxx jew iċ-ċaħda tar-rilaxx tal-priġunier in kwestjoni, lill-Ministru responsabbli għall-Ġustizzja”, u dan, “sussegwentement, [...] jibgħat ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-President ta’ Malta”. Il-mekkaniżmi superfluwi li jissemmew fil-paragrafu ta’ qabel huma murija grafikament hawnisfel (immarkati bl-iskur):

6.5. Il-WP tissenjala (#4.2, para. 2) li l-“potenzjal ta’ riskju għall-pubbliku li jirriżulta mir-rilaxx tal-priġunier in kwestjoni” jistħarrġu, mhux il-Ministru responsabbli għall-Ġustizzja, imma l-OAB. Allura wieħed jistaqsi għala r-rakkomandazzjoni tal-OAB għandha tmur għand l-imsemmi Ministru qabel ma tittieħed id-deċiżjoni finali. Dan impliċitament juri li l-OAB mhuwiex fdat bit-teħid ta’ deċiżjoni bħal din.
6.6. Il-WP espressament tissenjala (#2.6, para. 5) li, waqt li jkun qiegħed jistħarreġ il-parole dossier (PD) ta’ priġunier partikulari, l-OAB jista’ jitlob għal aktar “informazzjoni oħra relevanti” apparti dak li jkun inkluda fil-PD mis-Segretarju tal-Parowl (jew il-Parole Clerk; PC). Dan, in principio, ma jeskludix il-fatt li tali informazzjoni tista’ tintalab ukoll mill-Ministru kkonċernat. Anzi, forsi fiċ-ċirkustanzi talba bħal din għandha tkun mandatorja.
6.7. MDD tifhem li fergħa eżekuttiva bħalma hu l-OAB ma tistax tibdel deċiżjoni tal-fergħa ġudikattiva, u dan jispetta lill-ogħla awtorità tal-fergħa amministrattiva. Fi kliem ieħor, l-OAB m’għandha ebda awtorità legali li tibdel sentenza mogħtija mill-qrati tal-ġustizzja. Fil-fatt, l-ogħti tal-parowl skond il-liġi mhijiex bidla fis-sentenza, imma sospensjoni tas-sentenza. Dan japplika wkoll għas-sentenza ta’ għomor.
6.8. Fid-dawl ta’ dan kollu, MDD tipproponi li, fil-każijiet ta’ priġunieri b’sentenza ta’ għomor li jridu l-parowl:
1.1. Tiġi eliminata għal kollox mill-abbozz tal-liġi dwar il-parowl il-ħtieġa ta’ prerogattiva ta’ maħfra presidenzjali (ara WP #2.9, punt 7);
1.2. Tiddaħħal klawsola li tistipulixxi li, qabel ma jieħu deċiżjoni finali fuq ir-rilaxx jew iċ-ċaħda tar-rilaxx tal-priġunier in kwestjoni, l-OAB irid neċessarjament jinforma lill-Ministru responsabbli għall-Ġustizzja u jieħu l-parir tiegħu fir-rigward.
6.9. Huwa xieraq li, f’dan il-kuntest, issir riflessjoni oħra, li hija din: fil-liġijiet ta’ Malta, għalkemm jintuża t-terminu “għomor” għal sentenza ta’ għomor il-ħabs, fil-liġi nnifisha dan it-terminu ma jiġix definit speċifikament jew espressament. Però, huwa konswetudinement mifhum li dan it-terminu għandu jinftiehem u jiġi interpretat (bħalma fil-fatt isir) li qiegħed jirreferi għal ħabs sal-mewt (bl-Ingliż: natural life). F’termini prattiċi, skond il-liġi Maltija l-perjodu stipulat ta’ ħabs għall-ewwel grad ta’ piena massima―jiġifieri ta’ 35 sena―jista’ wkoll jitqies bħala “għomor”, fis-sens li jħaddan numru ta’ snin li ġeneralment jikkostitwixxu ġenerazzjoni umana sħiħa u aktar.
6.10. Għaldaqstant, b’dan f’moħħha MDD tipproponi li, fl-istess każijiet ta’ priġunieri b’sentenza ta’ għomor li jridu l-parowl:
6.10.1. Dawk il-priġunieri li attwalment is-sentenza ta’ għomor il-ħabs hija finali, il-PED tagħhom tkun 18-il sena mill-bidu ta’ l-inkarċerazzjoni tagħhom. Din iċ-ċifra hi kkalkolata fuq nofs sentenza massima tal-ewwel grad, jiġifieri ta’ 35 sena (li tammonta għal 17-il sena u 6 xhur).
6.10.2. Ċaħdiet suċċessivi ta’ parowl ma jkunux jistgħu jeċċedu 23 sena ta’ priġunerija, meta mbagħad l-għoti tal-parowl isir mandatorju. Din iċ-ċifra hi kkalkolata fuq ir-riżultat ta’ sentenza tal-ewwel grad ta’ 35 sena bir-remissjoni mnaqqsa (li tammonta għal 23 sena u 4 xhur).
7. Priġunieri barranin
7.1. Il-WP tirreferi għall-priġunieri barranin f’rabta mal-Att ta’ l-Immigrazzjoni (#2.9, punt 1) u d-Deportation Order li jkollhom fis-sentenza (#2.9, punt 3). Dawn iż-żewġ referenzi t-tnejn jorbtu mal-esklużjoni tal-priġunieri barranin milli jikkwalifika għall-PL.
7.2. F’termini konkreti, hawnhekk qegħdin nirreferu għal madwar 150 priġunier barrani (jew 33% tal-popolazzjoni karċerarja kollha), jiġifieri madwar 140 priġunier maskili (jew 33% tal-popolazzjoni maskili) u madwar 10 priġunieri femminili (jew 40% tal-popolazzjoni femminili).
7.3. Aktarx hemm ħames kategorijiet ta’ priġunieri barranin il-ħabs, li huma l-aħħar tnejn li jorbtu mal-kunsiderazzjoni tagħna tal-parowl:
· Numru żgħir ħafna li interrompew il-perjodu ta’ 18-il xahar li kienu qed jagħmlu f’xi kamp tad-detenzjoni għall-immigranti illegali. Dawn, malli jiskontaw il-piena karċerarja tagħhom, jerġgħu jirritornaw f’xi kamp ta’ detenzjoni ħalli jissoktaw it-18-il xahar tagħhom regolati minn provedimenti legali apposta għalihom.
· Numru kemmxejn akbar li għandhom jew Stat ta’ Refuġjat jew Stat Umanitarju. Dawn, malli jiskontaw il-piena karċerarja tagħhom, aktarx jirritornaw f’xi open centre appositu jew xi akkomodazzjoni alternattiva li jkollhom.
· Xi wħud oħrajn li qegħdin il-ħabs skond l-Att ta’ Immigrazzjoni (Kap 217 tal-Liġijiet ta’ Malta).
· Numru relattivament żgħir li qegħdin il-ħabs skond il-Kodiċi Kriminali (Kap. 9 tal-Liġijiet ta’ Malta).
· L-akbar numru li qegħdin il-ħabs skond l-Ordinanza dwar il-Mediċini Perikolużi (Kap. 101 tal-Liġijiet ta’ Malta).
7.4. F’relazzjoni ma’ dawn l-aħħar tliet kategoriji (għax huma dawn li jinteressawna l-aktar f’rabta mal-parowl), huwa rikonoxxut li l-ordni ta’ deportazzjoni mat-temma tal-piena karċerarja tista’ leċitament tingħata kemm lil dawk li huma ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea kif ukoll lil dawk li mhumiex. Infatti, prattikament 100% tagħhom ikollhom deportation order inkluża fis-sentenza tagħhom ... u għalhekk, skond il-WP (#2.9, punt 3) huma lkoll esklużi mill-possibbiltà li jieħdu l-parowl. Mhuwiex probabbli, għallanqas mhux fil-ġejjieni previst, li tinbidel il-prattika li fis-sentenza ta’ persuni bħal dawn ma tiddaħħalx ordni bħal din.
7.5. MDD tqis li l-esklużjoni tal-biċċa l-kbira tal-priġunieri barranin mill-possibbiltà li jikkwalifikaw għall-PL, anki jekk mil-lat legali tista’ tkun teknikament leċita, hija sempliċiment inġusta. Hemm diversi raġunijiet għal din il-konklużjoni. Infatti, il-priġunieri barranin:
7.5.1. Huma priġunieri ugwali għall-priġunieri Maltin u bnedmin tad-demm u l-laħam bħalhom.
7.5.2. Minħabba li huma fiżikament ’l bogħod minn pajjiżhom u mill-familji tagħhom, u bosta drabi lanqas bl-Ingliż ma jafu jitkellmu, l-inkarċerazzjoni tagħhom f’Malta hi ħafna aktar iebsa minn dik tal-priġunieri Maltin.
7.5.3. Minħabba li huma implikati f’sistemi ġudizzjarji u penali perplessi għalihom, l-esperjenza tal-amministrazzjoni ġudizzjarja u penal hija ħafna agħar minn dik tal-priġunieri Maltin.
7.5.4. Għal xi raġuni jew oħra, xi wħud minnhom aktarx għandhom sentenzi ta’ ħabs aktar twal minn dawk ta’ priġunieri Maltin li nstabu ħatja ta’ reati anqas serji minn tagħhom.
7.5.5. Għar-raġuni msemmija f’#4.2.2. aktar ’il fuq, u minħabba li huma esklużi milli jikkwalifikaw għall-PL, fil-ħabs mhumiex inkuraġġiti li jipparteċipaw f’programmi edukattivi u vokazzjonali, u dan filwaqt li lanqas ma huma permessi li jibbenfikaw minn programmi riabilitattivi.
7.6. Bl-esklużjoni kważi totali tal-priġunieri barranin milli jikkwalifikaw għall-PL, il-leġislatur qiegħed impliċitament jeskludi wkoll il-parteċipazzjoni tal-vittmi possibbli tagħhom fis-sistema riparatriċi li jrid jibda jintroduċi f’Malta l-Ministeru bil-WP.
7.7. Wieħed irid iżomm f’moħħu r-raġunament sempliċi li hemm ekwivalenza ta’ finijiet bejn (A) li priġunier barrani ma jiġix rilaxxat bis-sistema tal-parowl u bejn (B) li priġunier barrani jiġi rilaxxat bis-sistema tal-parowl. Dan ifisser li, f’kull każ, ir-riżultat finali huwa l-istess wieħed (bħalma juru ċ-ċrieki senjalati fil-grafika ta’ hawntaħt). Dak li mhuwiex l-istess huwa:
· Il-parteċipazzjoni tal-priġunieri in kwestjoni f’programmi edukattivi u vokazzjonali; u
· Il-parteċipazzjoni tal-vittmi possibbli tagħhom
fis-sistema riparatriċi li jrid jibda jintroduċi f’Malta l-Ministeru
bil-WP.
7.8.
F’dan il-kuntest, wieħed aktarx għandu
jikkunsidra wkoll dawk il-priġunieri barranin li għandhom sentenza
ta’ għomor il-ħabs u deportazzjoni finali. Jekk dawn
jirnexxielhom jiksbu l-maħfra presidenzjali kif propost fil-WP #2.9, para.
7, xorta waħda ma jkunux jistgħu jikkwalifikaw għall-PL
minħabba dak li l-WP tipproponi f’#2.9, para. 3. Dawn il-priġunieri
sempliċiment jitħallew mingħajr tama li xi darba jiġu
rilaxxati. 7.9.
Wieħed jista’ jistaqsi: Għala għandu
l-Istat Malti jinvesti fi priġunieri barranin li, hekk kif jieħdu
l-parowl, jitilqu mill-gżejjer Maltin? Hawnhekk għandu jidħol
il-prinċipju tar-responsabbiltà umana u internazzjonali tal-Istat Malti.
Kull stat, barra li hu responsabbli għaċ-ċittadini
tat-territorju tiegħu, huwa wkoll b’mod differenti responsabbli għad-dinja
li hu parti minna, fil-każ tagħna lil hinn mix-xtut tal-ġżejjer
Maltin. Li l-Istat Malti jfittex ukoll li jtejjeb ċittadini ta’
nazzjonalitajiet oħrajn huwa mod kif jassumi r-responsabbiltà umana u
internazzjonali tiegħu. Għalhekk mhuwiex futli jew superfluwu li jsir
investiment edukattiv, formattiv, u l-bqija, fi priġunieri barranin li,
wara r-rilaxx tagħhom bil-PL, jitilqu ’l barra mit-territorju u l-ġurisdizzjoni
Maltin. 7.10.
Għaldaqstant, b’dan kollu li ngħad
hawnfuq f’moħħha, MDD tipproponi li: 7.10.1. Jiġi
eliminat għal kollox mil-lista ta’ kategoriji ta’ priġunieri
sentenzjati li ma jikkwalifikawx għall-PL (ara WP #2.9) il-kliem: · “dawk detenuti skond l-Att ta’ l-Immigrazzjoni (Kap. 217)”
(ibid., punt 1); u · “persuni mhux ċittadini Maltin li jkunu ser jiġu
deportati kif jiskontaw is-sentenza” (ibid., punt 3). 7.10.2. Tiddaħħal
klawsola li tkun tgħid bħalma ġej (jew xi ħaġa
simili): Persuni
mhux ċittadini Maltin li s-sentenza finali tagħhom tinkludi
deportazzjoni fi tmiem il-pieni karċerarja tagħhom, wara l-proċeduri
dovuti kollha: (a) Jekk ikunu ċittadini tal-Unjoni
Ewropea jew ikollhom Shengen Visa, jiġu soġġetti għal
kundizzjonijiet xierqa għalihom, rilaxxati u deportati immedjatament bi
ftehim għall-ħarsien tagħhom mill-awtoritajiet kompetenti
fl-Istat Membru li fih il-persuni in kwestjoni huma legalment u ordinarjament residenti, skond id-Deċiżjoni
Qafas tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea 2008/947/ĠAI tas-27 ta’ Novembru
2008 ‘dwar l-Applikazzjoni tal-Prinċipju ta’ Rikonoxximent Reċiproku
ta’ Sentenzi u Deċiżjonijiet li jinvolvu Probation bil-ħsieb ta’
Sorveljanza ta’ Miżuri ta’ Probation u ta’ Sanzjonijiet Alternattivi’.[1] (b)
Jekk ma jkunux ċittadini tal-Unjoni Ewropea jew
ma jkollhomx Shengen Visa, jiġu rilaxxati u deportati immedjatament
b’kundizzjoni prevja li ma jkunux jistgħu jerġgħu jidħlu
fil-gżejjer Maltin jew fl-Unjoni Ewropea, jew jingħataw Visa għal
tali skop, sa żmien espressament stipulat fir-rilaxx tagħhom. 8.
Priġunieri
barranin bil-multa 8.1.
Il-WP tistipula li, meta priġunier ma
jkunx jista’ jħallas multa imposta fuqu mill-qrati kriminali, flok jikkonveritha
fi priġunerija, tinħariġlu ordni mill-OAB biex il-Probation
Service jagħtuh CSO (#2.13.1, para. 2). Filwaqt li din hi idea sublimi
fir-rigward ta’ priġunieri Maltin, aktarx ma tkunx tista’ tapplika
bl-istess mod għal priġunieri barranin. 8.2.
Xi wħud mill-priġunieri barranin
jingħataw sentenzi li jinkludu piena karċerarja, multa u
deportazzjoni. Fil-biċċa l-kbira tal-każi, dawn il-priġunieri
jikkonvertu l-multa tagħhom fi priġunerija. 8.3.
Minkejja dan, din l-eċċezzjoni m’għandhiex
ittellef ’il-priġunieri barranin milli jibbenefikaw mis-sistema tal-parowl
kif spjegat f’#7.9. hawnfuq, irrispettivament ikollhomx multa x’jikkonvertu f’ħabs
jew le. 8.4.
MDD tipproponi li priġunieri barranin
li, flimkien mas-sentenza karċerarja tagħhom, ikollhom ukoll multa
x’jikkonvertu fi priġunerija, jingħataw xorta waħda l-parowl
(inkluż id-data ta’ deportazzjoni), iżda ma jkunux jistgħu jiġu
deportati qabel ma jiskontaw il-perjodu ta’ ħabs relevanti għall-multa
li jkunu kkonvertew fi priġunerija. 9.
Priġunieri
‘vjolenti’ 9.1.
Il-WP tistipula li “priġunieri meqjusa
mill-qorti li huma vjolenti u/jew meqjusa li huma perikolużi” ma
jikkwalifikawx għall-PL (#2.9, punt 6). MDD tqis din l-istqarrija bħala
kemxejn ambivalenti: · L-ewwelnett, għax ma jeżisti ebda
provediment legali li jikkonsenta lil xi qorti kriminali tiddikjara lil
xi ħati bħala ‘vjolenti u/jew pe’ikoluż’. Jista’ jkun li tali aġġettivi
jissemmew fid-dokuent tas-sentenza ta’ qorti, imma aktar fil-linja ta’
riflessjonijiet mogħtija mill-maġistrat jew l-imħallef in
kwestjoni; żgur mhux bħala dikjarazzjoni uffiċjali tal-qorti bħala
tali. · Il-prassi tidher li hi b’xi mod leċitament permessa
permess ta’ liġijiet speċifiċi, fejn il-persuna in kwestjoni li
dwarha jiġu predikati xi waħda minn dawn l-aġġettivi jew
it-tnejn li huma tingħata l-istruzzjoni mandatorja li tieħu xi taħriġ
ta’ ‘anger management’ relevanti. Imma, wara li din
l-istruzzjoni tiġi segwita, u l-qorti tkun sodisfatta bir-riżultati,
dik il-persuna ma tibqax titqies mill-qorti bħala vjolenti u/jew
perikoluża aktar. Xejn ma jimpedixxi lill-PB li titlob taħriġ
simili qabel ma tirrilaxxa priġunier fuq parowl. 9.2.
Barra minn dan, MDD tqis li l-proposta
msemmija tal-WP hija anki perikoluża. Dan minħabba l-fatt li
qed tagħti lok lill-qrati kriminali li jibdew prassi li s’issa ma
teżistix. Il-leġislatur m’għandux jipprovdi liċenza bħal
din, u dan minħabba diversi raġunijiet, fosthom: 9.2.1.
Impliċitament, il-qrati kriminali diġà
jesprimu adekwatament il-gravità ta’ każijiet partikulari li jiġu
quddiemhom bin-natura tas-sentenza li jimponu fuq il-ħati, speċjalment
bit-tul ta’ sentenza karċerarja li jimponu. Għal-liġi dan
jitqies biżżejjed u ma tqisx dikjarazzjonijiet oħra espliċiti
bħala neċessarji jew sustantivi u għalhekk ma tippermettihomx. 9.2.2.
Anki jekk xi qorti kriminali tikkummenta li
hija tqis lil xi ħati bħala vjolenti u/jew perikoluż, dan tista’
tagħmlu biss għall-mument ta’ meta jkun twettaq ir-reat tiegħu
jew, se mai, fil-mument li tkun qed taqta’ s-sentenza tal-ħati.
Kumment bħal dan jista’ ma jkollux validità aktar fil-mument li l-priġunier
isir eliġibbli għall-parowl. Għaldaqstant, huwa żbaljat
jekk il-PB joqgħod biss fuq fehma, anki jekk tant awtoritarja, li
presumibbilment tkun saret dwar il-personalità u l-karattru tal-priġunier
diversi jew ħafna snin qabel. 9.2.3.
Kemm l-OAB (ara ## 1.1.1, para. 3; 1.1.2,
para. 2; u 4.2, para. 2), kif ukoll il-PB (ara ## 2.1, para. 6; 2.3, para. 2 u
4; u 2.6, para. 1) huma diġà mandati li jistħarrġu sewwa
l-livell ta’ riskju li priġunier jista’ jippreżenta jekk jinħeles
fuq parowl. Fil-fatt, fuq dan l-aspett importanti hemm double checking
strutturali; u dan għandu jkunu biżżejjed sabiex jassigura jekk
priġunier huwiex vjolenti jew perikoluż għas-soċjetà. 9.2.4.
Il-ġudikatura tista’ tuża din l-eċċezzjoni
li tiddikjara lil xi priġunier ‘vjolenti u/jew perikoluż’ sabiex
effettivament timblokka l-possibbiltà li jingħata l-parowl lill-priġunier
in kwestjoni. Dan id-dritt għandu jibqa’ unikament f’idejn il-PB. 9.3.
Għaldaqstant, b’dan kollu meqjus, MDD
tipproponi li jiġi eliminat għal kollox mil-lista ta’ kategoriji ta’
priġunieri sentenzjati li ma jikkwalifikawx għall-PL (ara WP #2.9)
il-kliem: “priġunieri meqjusa mill-qorti li huma vjolenti u/jew meqjusa li
huma perikolużi” (ibid., punt 6). 10. Preskrizzjoni mill-qrati tal-PED 10.1.
Il-WP tinkludi paragrafu li jgħid (#2.6,
para. 9): Irrispettivament
mit-tip ta’ sentenza li tkun ingħatat lil persuna partikolari, l-Qorti
tista’ tippreskrivi li l-Parole ma tingħatax sa ċertu perjodu. F’dawn
il-każijiet il-priġunier ikun jista’ jitlob il-Parole fid-data
stabbilita mill-Qorti irrispettivament mit-termini li kieku japplikaw taħt
ir-regoli ġenerali tal-għoti tal-Parole. 10.2.
Il-WP tgħid ukoll (#2.13.2, para. 2): L-Imħallef
u/jew il-Maġistrat fil-Qorti għandu, madanakollu, jingħata
d-diskrezzjoni li jirrakkomanda perjodu li fih il-persuna sentenzjata ma
jkollhiex dritt li titlob għall-Parole (non-parole period). 10.3.
MDD tqis li l-leġislatur qiegħed
hawnhekk jagħti prerogattiva lill-qrati kriminali li m’għandux
bżonn jagħti. Ir-raġunijiet mogħtija f’## 8.2.1. u 8.2.2.
hawnfuq diġà juru l-inutilità ta’ prerogattiva bħal din. Iżda
barra minn dawn, hemm raġuniet oħra li jimmilitaw kontriha, fosthom: 10.3.1.
L-għoti ta’ prerogattiva bħal din
lill-qrati kriminali jirrendu irrelevanti l-eżerċizzju kollu
tas-sistema tal-parowl. F’kull każ partikulari, l-OAB u l-PB ikunu qegħdin
jistħarrġu bis-sħiħ il-livell ta’ riskju li priġunier
jista’ jippreżenta jekk jinħeles fuq parowl, u dan għandu jitħalla
biss f’idejn dawn l-istituzzjonijiet, li presumibbilment ikollha
informazzjoni biżżejjed sabiex tagħmel ġudizzju xieraq. 10.3.2.
Ir-raġuni għala jsiru r-Rapport
Preliminari u r-Rapporti Evalwattiv huwa proprju sabiex jiġi mkejjel
il-progress li jkun għamel priġunier minn meta wettaq ir-reat
sal-punt li jilħaq il-PED. Evidentement, dan il-qrati kriminali ma jistgħux
jagħmluh mingħajr ma jkollhom informazzjoni futura aċċessibbli
għalihom. 10.3.3.
Il-preskrizzjoni li l-parowl ma tkunx tista’
tingħata sa ċertu perjodu diġà tkun impliċitament inkluża
fis-sentenza karċerarja li l-qrati kriminali jkunu taw lil ħati. Dan
loġikament jirrendi superfluwu xi tip ta’ preskrizzjoni tal-PED mill-qrati
kriminali. 10.3.4.
MDD hija konxja li, f’ċerti pajjiżi
barranin, din il-prerogattiva li l-qrati kriminali jippreskrivu l-PED
teżisti tabilħaqq. Il-proposta tal-WP li jsir l-istess f’Malta tinjora
għal kollox il-fatt fundamentali li s-sistema tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja
kriminali f’Malta hi differenti ħafna minn dawk ta’ pajjiżi oħra
barranin. Fuq kollox tinjora l-fatt li, meta priġunieri f’dawn
il-pajjiżi jkollhom preskrizzjoni tal-PED tagħhom mill-qrati
kriminali, jew saħansitra meta jkollhom ċaħda totali mill-qrati
kriminali li jista’ qatt ikollhom PED, dawn l-istess priġunieri
effettivament jibbenefikaw minn mekkaniżmi oħrajn
fis-sistema li bihom jinħelsu mill-ħabs qabel iż-żmien stipulat
mill-qrati kriminali relevanti. Priġunieri f’Malta ma jkunux jistgħu
jibbenefikaw minn xi mekkaniżmi oħra bl-istess mod, għax dawn
sempliċiment ma jeżistux. 10.4.
Għaldaqstant, MDD tipproponi li l-abbozz
finali ta’ liġi dwar il-parowl m’għandux jagħti l-prerogattiva
lill-qrati kriminali li jkunu jistgħu jippreskrivu li l-parowl ma tingħatax
sa ċertu perjodu. 11. Livelli burokratiċi doppji 11.1.
Il-WP tagħmel differenza netta bejn l-OAB
u l-PC. Minkejja dan, aktarx jidher ċar li l-ħolqien ta’ dawn
iż-żewġ uffiċċji distinti: · Joħloq livell burokratiku żejjed fl-istruttura
komplessiva tas-sistema proposta fil-WP; · Jikkonsenja ż-żewġ uffiċċji
f’żewġ lokalitajiet differenti; · Jimplika li l-membri tal-OAB ma jkunux f’kuntatt qarib
mal-priġunieri; · Jinjora l-fatt li diġà jeżisti Inmate
Assessment Unit (IAU) fil-ħabs; · Jinvesti l-OAB b’kompetenzi professjonali filwaqt li dan ma
jagħmlux fil-każ tal-PC; · Joħloq żewġ liaison units għal ċerti
proċessi tas-sistema; · Jirrikjedi ħafna qsim ta’ informazzjoni bejn
iż-żewġ uffiċċji; · Jikkonsenja uffiċċju tant essenzjali għat-tħaddim
tas-sistema f’lokalità li hija mwarrba mill-ħabs; u · Jiddupplika ċertu xogħol meħtieġ
mis-sistema. 11.2.
L-istat u d-dmirijiet rispettivi
taż-żewġ uffiċċji jidher li huma bħalma jidher
hawntaħt: OAB PC · Ikun stazzjonat fil-Probation Office, il-Belt (#1.1.1,
para. 2) · Ikun kompost minn professjonisti mħarrġa fl-oqsma
tal-probation, il-psikoloġija u/jew is-soċjoloġija (#1.1.1,
para. 2) · Iħejji r-Rapport Preliminari u r-Rapporti Evalwattiv
(#1.1.2, para. 1) · Iħejji wkoll Pjan ta’ Ri-integrazzjoni u jgħaddih
lill-PC, lill-PSVSU u lill-Probation Office (#1.1.2, para. 1) · Jeżamina l-livell ta’ riskju ta’ kull parolee
prospettiv (#4.2, para. 2) · Jibgħat l-informazzjoni meħtieġa lill-PC għat-tħejjija
tad-dossjer ta’ kull parolee prospettiv (#4.2, para. 3) · Joħroġ ordni ta’ konversjoni ta’ multa in vista
ta’ CSO (#2.13.1, para. 3) · Ikun stazzjonat il-ħabs, Raħal Ġdid
(#1.1.2, para. 1) · Ikun kompost minn uffiċjal tal-ħabs (#1.1.2,
para. 1) · Iħejji d-dossjer ta’ kull parolee prospettiv
(#2.6, para. 5) · Iżomm lill-PB informat u aġġornat fuq kull
parolee prospettiv (#1.1, para. 2) · Jagħmel liaison bejn l-OAB, il-PB, il-PSVSU u
l-Probation Office (#6.6, para. 2) 11.3.
Il-WP tippreċiża (#2.6, para. 5) li,
“iktar minn kull ħaġa oħra, s-suċċess tas-sistema
jiddependi mill-mod responsabbli li bih [il-PC] jagħmel l-arranġamenti
meħtieġa sabiex jiġbor id-dokumenti għad-Dossjer tal-Parole
u jippreżenta d-Dossjer tal-priġunier partikolari lill-[PB]”.
Fid-dawl ta’ dak li ngħad hawnfuq, jidher li s-suċċess kollu
tas-sistema hu previst li jiddependi fuq l-aktar ħolqa dgħajjfa
tal-proċess. 11.4.
MDD tipproponi li: 11.4.1. Il-PC
jiġi eliminat għal kollox u d-dmirijiet tiegħu jiġu assunti
mill-OAB. 11.4.2. L-IAU
jiġi eliminat u minfloku jinħoloq l-OAB bil-kompetenzi kollha
assenjati lilu mill-WP. 11.4.3. Filwaqt
li jibqa’ statutorjament parti mill-Probation Office, l-OAB ma jkunx allokat
il-Belt, imma fil-ħabs ta’ Kordin. 11.5.
Għaldaqstant, il-grafika ta’ hawnisfel
turi l-fasla strutturali l-ġdida li qiegħda tipproponi MDD wara li
jsiru l-bidliet proposti (fuq il-lemin tal-grafika) kif ikkomparata mal-fasla
eżisteni fil-WP (fuq ix-xellug tal-grafika): 12. Pjanifikazzjonijiet 12.1.
Il-WP tidher li tagħmel distinzjoni, għallanqas
superfiċjali, bejn Pjan ta’ Riforma (Prisoner Care Plan; PCP) u
Pjan ta’ Ri-integrazzjoni (Prisoner Resettlement Plan; PRP). Iżda
minkejja dan, ma jidhirx li tqis il-PCP u l-PRP bħala fundamentalment u
essenzjalment differenti minn xulxin. Donnha lanqas ma tagħraf li s-suċċess
tas-sistema tal-parowl jistrieħ fuq ir-rikonoxximent ta’ din id-differenza
u fuq il-komplimentarjetà li għandu jeżisti bejn iż-żewġ
tipi ta’ pjanifikazzjonijiet. 12.2.
Il-WP tagħmel tisħiq qawwi fuq
il-PCP li, fil-biċċa l-kbira tiegħu, jinjora għal kollox
il-ħtieġa essenzjali tal-PRP. Infatti, tgħid li: · Ir-riforma tal-priġunier [u għalhekk tal-PCP]
hija waħda mit-tliet “pilastri prinċipali” (flimkien
mas-superviżjoni u, “fuq kollox”, ir-riparazzjoni) li fuqhom “ser titħaddem
[...] is-sistema l-ġdida ta’ Parole” (#2.1, para. 5) ― ir-ri-integrazzjoni
mhijiex meqjusa bħala waħda minn dawn il-“pilastri prinċipali”. · “Ir-rwol tal-[PB] f’din is-sistema jrid ikun eżerċitat
b’kawtela, minħabba li jrid ikun ċar għal kulħadd li
l-iskop ta’ din il-miżura [hija] li tiġi faċilitata r-riforma
tal-priġunier” (#2.1, para. 9) ― imma mhux ir-ri-integrazzjoni
tiegħu. · “Meta jiġi biex jiddeċiedi dwar it-talbiet għall-għoti
tal-[PL], il-[PB] jikkonsidra [...] jekk il-priġunier ikunx wera titjib
fid-diversi aspetti tal-proċess ta’ riforma” (#2.3, para. 1) ― imma
mhux jekk ikunx hemm titjib fid-diversi aspetti tal-proċess
r-ri-integrazzjoni. · Meta jiġi biex “jiżen ir-riskju li l-priġunier
jerġa’ jikkommetti reat fi żmien meta suppost qiegħed il-ħabs”,
il-[PB] għandu “iżomm bilanċ [bejn] d-detriment għas-soċjetà
u [bejn] il-ħtieġa li wieħed jinkoraġġixxi l-proċess
ta’ riforma” (#2.3, para 2) ― imma mhux ukoll bejn il-ħtieġa
massima li jiġu mwittija l-elementi ta’ ri-integrazzjoni. 12.3.
Rigward il-PRP, il-WP tirrikonoxxi, għallanqas
fil-prinċipju, li: · L-PRP li jagħmel l-OAB mar-Rapport Preliminari (WP
#1.1.2, para. 1) għandu “jistabbilixxi l-bżonnijiet [tal-parolees]
fid-dawl tar-ri-integrazzjoni sussegwenti, [...] jistma l-probabbiltà li priġunier
jerġa’ jikkommetti reat wara li jiġi rilaxxat, kif ukoll li
jidentifika u jikklassifika l-bżonnijiet relatati ma’ priġunieri
individwalment, li jinkludu l-karatteristiċi ta’ personalità u problemi
ta’ konjizzjoni u mġieba” (#1.1.1, para. 3). · Kumplessivament, il-parowl “tagħti lill-individwu
opportunitajiet reali biex jikkumbattu kontra l-fatturi li influwenzaw
l-imġieba żbaljata fil-komunità qabel is-sentenza” (#2.1, para. 6;
korsiv tagħna). · Ir-ri-integrazzjoni soċjali tal-parolees għandha
tkun “sostenibbli” (#6.11). 12.4.
Minkejja dawn ir-rikonoxximenti ammirevoli, il-WP
imkien ma tidentifika x’jistgħu jkunu l-“bżonnijiet”
(#1.1.1, para. 3) jew l-“opportunitajiet” (#2.1, para. 6) li PRP tipiku għandu
jikkunsidra b’mod imperattiv. Dawn l-elementi jorbtu mill-qrib ma’ PCP tipiku,
iżda ħafna drabi jinkludu wkoll fatturi li, fil-ħajja soċjali
ta’ barra l-ħabs, ma jiddependux għal kollox minn priġunier. 12.5.
Għall-kuntrarju: · Meta ssostni li “l-proċess ta’ bidla [fil-priġunieri],
meta jkollu suċċess, inaqqas imbagħad ir-riskju ta’ reċidiva
għaż-żmien ta’ wara” (#2.3, para. 3), il-WP turi li l-leġislatur
qiegħed jorbot is-suċċess tar-ri-integrazzjoni tal-priġunieri
esklussivament mal-PCP u mhux mal-PRP. · Meta torbot “ir-riskju tar-reċidiva” mal-“bżonn
tar-riforma” u “r-rilaxx [...] taħt ċerta superviżjoni” (#2.3,
para 4), il-WP turi li l-leġislatur qiegħed jinsa għal kollox li
t-tnaqqis tar-reċidività ma jiddependix biss
mill-komportament ta’ priġunjier fil-ħabs (presumibbilment taħt
il-gwida ta’ PCP) jew, wisq anqas, mill-kundizzjonijiet li jitqegħdu fuqu
fir-rilaxx tiegħu, imma l-aktar fuq il-fatturi li jiddeterminawlu ħajtu
fis-soċjetà wara li jħalli l-ħabs. · Meta sssotni li “priġunier irid ikun iċċertifikat
li rriforma qabel ma jiġi rilaxxat” (#2.6, para. 8), il-WP turi li l-leġislatur
aktarx mhuwiex konxju biżżejjed li s-sinjali (anki inkuraġġjanti)
ta’ riforma ġewwa l-ħabs mhumiex biżżejjed għas-suċċess
tar-ri-integrazzjoni ta’ priġunier fis-soċjetà. Il-leġislatur
qiegħed jinjora li, f’dan ir-rigward, huma bil-wisq aktar determinanti
l-fatturi soċjali li jikkontrollawlu ħajtu barra l-ħabs. 12.6.
Il-WP ma tirrikonoxxix li:[2] · Is-suċċess ta’ ri-integrazzjoni tiddependi ħafna
minn fatturi kardinali bħall-akkomodazzjoni, l-impjieg, il-finanzjament
tar-ri-integrazzjoni, is-servizzi ta’ wara r-rilaxx u/jew l-appoġġ soċjali. · Dawn il-fatturi ma jiddependux għal kollox
mir-riforma jew ir-rieda tajba tal-priġunieri, imma aktar minn nies
oħrajn fil-komunità soċjali. 12.7.
Fil-kunsiderazzjonijiet kollha tagħha
dwar il-PCP u l-PRP, il-WP tinjora element indispensabbli: il-parteċipazzjoni
attiva tal-priġunieri nfushom fit-tfassil ta’ dawn l-għodod meħtieġa.[3]
F’dan ir-rigward, il-WP taddotta attitudni paternalistika: il-pjanifikazzjoni għar-riforma
jew għar-ri-integrazzjoni tagħhom tidher li hi maħsuba li ssir għall-priġunier,
mhux mal-priġunier. Din mhijiex kwestjoni sempliċiment
filosofika daqskemm strateġika. Pjanifikazzjonijiet, anki jekk perfetti,
jekk ma jsirux mal-klijent in kwestjoni huma inexorabbilment iddestinati li
jfallu. 12.8.
In-nuqqas ta’ parteċipazzjoni hu aktar
serju fir-rigward tat-tfassil tal-PRP. Dan għaliex mhumiex inklużi
f’dan it-tfassil dawk il-persuni jew l-entitajiet li minnhom aktarx jiddependu
ir-ri-integrazzjoni, l-akkomodazzjoni, l-impjieg, il-finanzjament
tar-ri-integrazzjoni, is-servizzi ta’ wara r-rilaxx u/jew l-appoġġ soċjali
tal-priġunieri wara li jħallu l-ħabs. Min-naħa l-oħra,
il-WP tippretendi (Konk., para. 4) li dawn il-persuni u entitajiet “[jipparteċipaw]
fl-implimentazzjoni” tal-PRP li l-OAB tkun ħejjiet għalihom,
imma mhux magħhom. Pretensjoni bħal din, mhux biss mhijiex aċċettabbli,
imma serjament timmina l-istess sforzi li jkunu qegħdin isiru mis-sistema.[4] 12.9.
Tabilħaqq, wieħed jista’
jikkwestjona kif għandhom jinġiebu flimkien għall-fini
tat-tfassil tal-PRP l-entitajiet pubbliċi u privati li jista’ jkollhom
interess f’każ partikulari, bħall-aġenzija li tieħu ħsieb
l-akkomodazzjonijiet soċjali, l-ETC, l-uffiċċju tas-sigurtà soċjali,
l-NGOs relevanti għall-każ u l-familja tal-priġunier konċernat.
Xi wħud minn dawn jistgħu jiltaqgħu mal-OAB jew separatament jew
f’case meeting speċjali. F’dan il-kuntest wieħed għandu
jsemmi li dan diġà jsir f’każijiet ta’ tfal li jkunu taħt Care
Order. Għaldaqstant, m’għandux jitqies impossibbli li jsir
hawnhekk ukoll. Barra minn hekk, aktarx mhux il-każijiet kollha li
tittratta l-OAB se jkollhom bżonn dan it-tip ta’ interventi jew anki
l-interventi kollha li ssemmew. 12.10.
Il-punt ewlieni f’dan kollu huwa li mhuwiex ġust
li priġunier li hu previst li mhux se jkollu akkomodazzjoni, impjieg, flus
u/jew appoġġ mal-ħruġ tiegħu ma jingħatax
il-possibbiltà ta’ rilaxx bil-parowl minħabba dawn in-nuqqasijiet li ma
jiddependux minnu. Ikun ferm utli li l-OAB twitti dawn in-nuqqasijiet
b’mekkaniżmu intern li tabilħaqq jgħin lill-priġunier in
kwestjoni sabiex jerġa’ lura b’suċċess fis-soċjetà fil-ħarsien
tal-kundizzjonijiet tiegħu tal-parowl. 12.11. Għaldaqstant,
MDD tipproponi li, b’metodu li jkun konvenjenti għalih, l-OAB ifassal
il-PRP ta’ kull priġunier konċernat fi sħubija mal-priġunier
innifsu, mal-Probation Office u l-PO, kif ukoll (fejn u meta jkun meħtieġ)
mal-aġenzija li tieħu ħsieb l-akkomodazzjonijiet soċjali,
l-ETC, l-uffiċċju tas-sigurtà soċjali, l-NGOs relevanti għall-każ
u l-familja tal-priġunier konċernat. 13. Il-formazzjoni tal-Parowl Bord 13.1.
Il-WP tistipula li l-membri tal-PB ikunu disgħa
(#2.2, para. 2): membru jew eks-membru tal-ġudikatura (li jkun il-kap
tal-bord), żewġ membri oħra legali u sitt membri oħra li
fosthom jista’ jkun hemm psikjatri, psikoligi, soċjologi, esperti
fiż-żgħażagħ, tobba, uffiċjal anzjan tal-ħabs
u/jew persuna li tispeċjalizza fil-korrezzjoni tal-minorenni (ibid.). 13.2.
Qabel xejn, MDD ma tistax taqbel li, kif tgħid
il-WP f’#2.2, para. 2, il-kap tal-PB jista’ jkun membru tal-ġudikatura.
Dan jista’ jfisser li l-kap tal-PB ikun għadu attiv fil-qrati kriminali u
li kellu relazzjoni operazzjonali u effettiva diretta riċenti ma’ xi wħud
mill-priġunieri. Dan jista’ jagħti lok għal konklitt ta’
interess u għandu jiġi evitat kemm jista’ jkun. 13.3.
Din il-formazzjoni tinjora l-fatt li: · L-OAB diġà jkun magħmul minn nies b’bosta
mill-kompetenzi msemmija f’#2.2, para. 2 (ara WP #1.1.1, para. 2). · Huwa diffiċli ħafna li disa’ min-nies, speċjalment
professjonisti, jiltaqgħu ta’ spiss għall-finijiet ta’ tali bord. · Il-PB ikollu diġà fid-dossjerijiet li jkun qed jistħarreġ
dokumenti relevanti minn professjonisti li jifformaw l-OAB u ma jkunx meħtieġ
li x-xogħol tagħhom jerġa’ jiġi magħmul mill-ġdid. 13.4.
Skond il-WP innifisha (#2.3), xogħol
il-PB jinvolvi ħidma li, strettament, ma teħtieġx il-kompetenzi
professjonali msemmija f’#2.2, para. 2, tal-WP. Infatti, il-bord se jkun qiegħed: · Jikkonsidra r-Rapport Preliminari u t-Tieni Rapport ta’
Evalwazzjoni tal-OAB (#2.3, para. 1); · Jistħarreġ jekk il-priġunier in kwestjoni
jkunx wera titjib fid-diversi aspetti tal-proċess ta’ riforma (ibid.); · Iqis il-parteċipazzjoni volontarja u attiva tal-priġunier
in kwestjoni fis-sistema ta’ ġustizzja riparatriċi (ibid.); u · Jiżen ir-riskju li l-priġunier in kwestjoni jerġa’
jikkommetti reat fi żmien meta suppost qiegħed il-ħabs (ibid.,
para. 2). 13.5.
Ebda formazzjoni tal-PB ma teskludi l-fatt li,
minn żmien għal żmien, skond kif tinħass il-ħtieġa
ta’ kull każ, il-membri tal-bord jitolbu l-għajnuna, fuq bażi
konsultattiva, ta’ professjonisti oħrajn ħalli jiggwidawhom
bil-pariri relevanti tagħhom fl-istħarriġ li jkunu qegħdin
jagħmlu. 13.6.
Għaldaqstant, MDD tipproponi li, għal
aktar effiċjenza u kontabbilità tal-PB: 13.6.1. Il-għadd
tal-membri tal-PB ikun ta’ mhux anqas minn tlieta u mhux aktar minn ħamsa. 13.6.2. Il-PB ikun jista’ jitlob l-għajnuna u
l-pariri ta’ persuna jew persuni oħra sabiex jgħinuh, f’kapaċità
konsultiva, għall-fini ta’ l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu. 13.7.
MDD tipproponi
wkoll li l-kap tal-PB ikun dejjem eks-membru tal-ġudikatura. 14. Parole Officers 14.1.
Il-WP issemmi l-parole officer (PO)
darbtejn biss, jiġifieri meta tgħid li: · L-OAB irid jissottometti r-Rapport Preliminari (li jkun
jinkludi PRP) lil għadd ta’ nies, fosthom ’il PO li jkun “assenjat
lill-priġunier” (#1.1.2, para. 1); u · Id-dossjer komplut ta’ priġunier partikulari mħejji
mill-PC (bir-Rapport Evalwattiv inkluż) għandu jinkludi wkoll
“rapport tal-PO” (presumibbilment dak l-istess PO li, skond il-WP, ikun ġie
assenjat lill-priġunier) (#2.6, para. 7). 14.2.
F’dawn id-darbtejn li ssemmi l-PO, il-WP
timmenzjonah bħala “Uffiċjal tal-Probation/Parole”, mingħajr
ebda distinzjoni bejn PO u Probation Officer, bħallikieku
ż-żewġ istituzzjonijiet kienu l-istess ħaġa. 14.3.
Huwa evidenti li l-WP turi nuqqas ta’
apprezzament tan-natura u l-dmirijiet ta’ PO. Donnu għaliha PO u Probation
Officer huma eżattament l-istess ħaġa. Ovvjament, dan in-nuqqas
ta’ apprezzament iwassal sabiex il-WP tonqos għal kollox milli tipprovdi
tifsira tar-rwol u l-funzjonijiet speċifiċi tal-PO. 14.4.
Naturalment, id-differenza fundamentali bejn
il-Probation Officer u l-PO hija li, filwaqt li ta’ l-ewwel isawwar
ir-rapporti relevanti dwar il-klijenti tiegħu hu stess u, ħafna
drabi, f’koordinazzjoni mal-qorti, jipproġetta pjan ta’ azzjoni hu nnifsu,
il-PO le. Ir-rapporti relevanti dwar il-klijenti tal-PO ma jagħmilhomx hu
stess, imma l-OAB, u l-pjan ta’ azzjoni ma jipproġettahx hu nnifsu, imma
l-PB. Din id-differenza tkompli tissaħħaħ minħabba dak li
ntqal f’#9.8. hawnfuq dwar in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni ta’ persuni u
entitajiet interessati fit-tiswir tal-PRP. Dan hu muri fil-grafika ta’
hawnisfel: 14.5.
Dan il-punt ikompli jisħaq fuq
il-proposta ta’ MDD magħmula f’#9.9. hawnfuq. 14.6.
Barra minn hekk, MDD tipproponi li: 14.6.1. L-abbozz
finali ta’ liġi dwar il-parowl għandu jiddefinixxi b’mod ċar
in-natura speċifika u d-dmirijiet tal-PO (distint u divers minn dak tal-Probation
Officer); u 14.6.2. Għandu
diddefinixxi wkoll b’mod ċar ir-rwol speċifiku li għandu jkollu
l-PO mal-klijenti tiegħu. 15. Probation Service Victim Support Unit 15.1.
Il-WP tissottometti li jiġi maħluq Probation
Service Victim Support Unit (PSVSU) fi ħdan l-Uffiċċju tal-Probation
(#6.7). Din l-istituzzjoni: · Titmexxa minn Uffiċjal ta’ Kollegament (ibid.,
para. 1), li: · Tiġi referuta vittmi mill-pulizija kif meħtieġ
u miftiehem bi proċedura amministrattiva apposta (ibid.). · IIkollha r-rwol li tgħin lill-vittmi permezz
tal-medjazzjoni b’mod partikolari biex jintlaħaq ftehim dwar
ir-rifużjoni min-naħa ta’ min ikun wettaq ir-reat, liema ftehim
jista’ jwassal għal kuntratt li jorbot legalment (ibid., para. 2). · Tista’ wkoll tgħin lill-vittmi jipproċedu sabiex
jitolbu l-kumpens (ibid., para. 3). 15.2.
Dwar l-isem ta’ din l-istituzzjoni, huwa
importanti li jiġi nnutat li: 15.2.1.
Is-servizzi li, skond il-WP, se jiġu
offruti mill-PSVSU ma jinvolvux ‘support’ fis-sens tekniku
tat-terminu kif użat fil-kriminoloġija u l-ġustizzja kriminali.
Bla dubju ta’ xejn, jinvolvu xi tip ta’ servizz, kif indikat hawnfuq, imma mhux
ta’ ‘support’. F’dan il-kuntest, fil-kriminoloġija u l-ġustizzja
kriminali dan it-terminu ‘support’ jintuża biss meta
l-vittma tiġi ttrattata għaliha nnifsa―irrispettivament
mir-reat, l-offensur jew xi proċess ġudizzjarju o meno tagħha―u
mhux meta tiġi ttrattata bħala mezz għal xi fini ulterjuri, kif
tindika l-WP fir-rigward tal-funzjonijiet tal-PSVSU. Fi kliem ieħor,
it-terminu ‘support’ fl-isem ta’ din l-istituzzjoni huwa misnomer:
il-PSVSU ma toffrix ‘support’ imma servizzi lil xi vittmi
tal-kriminalità. 15.2.2.
L-isem ta’ din l-istituzzjoni kif sottomess
mill-WP aktarx joħloq konfużjoni fil-perċezzjoni pubblika
mal-istituzzjoni msejħa Victim Support Malta (VSM), li ilha mwaqqfa
sa mill-2004 u li hija membru sħiħ ta’ Victim Support Europe.[5]
Hija din l-istituzzjoni li, fis-sens tekniku u preċiż tat-terminu,
toffri ‘support’ lill-vittmi tal-kriminali, mhux biss lil dawk li huma
involuti f’xi proċess ġudizzjarju, imma wkoll lil dawk li mhumiex. 15.3.
Għaldaqstant, MDD tqishom importanti
li tipproponi li jinbidel l-isem tal-istituzzjoni msejħa ‘PSVSU’ sabiex
jitneħħa minnu t-terminu ‘support’ (u forsi jiġi: Probation
Service Victim Unit jew PSVU). 16. Is-sehem tal-NGOs 16.1.
L-NGOs jissemmew darbtejn biss fil-WP,
waħda biex jingħad li għandhom jimplimentaw mal-eks-priġunieri
l-PRP tal-OAB u l-PB (Konk., para. 4), u l-oħra biex jingħad li jistgħu
jimponu kundizzjonijiet fuq priġunier meta jieħu l-parowl
(#2.6, para. 9). Dawn il-menzjonijiet sempliċistiċi aktarx jindikaw
x’idea fqira dwar l-NGOs għandu l-leġislatur 16.2.
Fir-rigward tal-ewwel menzjoni: 16.2.1.
Il-leġislatur ma jistax jassumi li għandu
xi jedd li jippretendi li l-NGOs iwettqu xi pjan li fassal hu għalihom.
Jekk xejn, id-deċenza tissuġġerixxi li l-NGOs iwettqu pjanijiet
li tfasslu flimkien magħhom. 16.2.2.
Din mhijiex biss kwestjoni li tiġi
mill-indipendenza u l-libertà ta’ azzjoni li għandhom l-NGOs, imma wisq
aktar mir-restrizzjonijiet kbar ta’ riżorsi li għandhom il-biċċa
l-kbira tal-NGOs. MDD stess, minkejja li ġiet imwiegħda ħafna
drabi mill-Ministri konċernati fil-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern
(inkluż dak preżenti), qatt sallum―fl-14-il sena
ta’ l-istorja tagħha―ma rċeviet ċenteżmu wieħed
mill-fondi strutturali ta’ l-istess Ministeru. Dan minkejja l-ħidma bla
qtugħ li dejjem għamlet u l-għajnuna finanzjarja li dejjem tat
kif setgħet lill-priġunieri, ’il-familji tagħhom u ’l eks-priġunieri. 16.2.3.
Barra minn hekk, il-WP ma tagħtix
indikazzjoni kwalunkwe ta’ kif NGO tista’ tkun taf liema priġunieri
waslu għall-parowl u liema le; jew anki liema priġunieri ngħataw
ir-rilaxx jew le. Lanqas ma tindika f’liema punt tal-proċess jiddaħħlu
l-NGOs ħalli jagħtu dan il-presuppost sehem. 16.3.
Rigward it-tieni menzjoni: 16.3.1.
Huwa inkomprensibbli kif il-leġislatur
jista’ jimmaġina li xi NGO li tabilħaqq għandha l-qalbha ’l-priġunieri
jew ’il-eks-priġunieri―xejn anqas MDD―tista’ ġġib
lilha nnifisha li tgħabbi l-ħajja ta’ xi priġunier b’xi
kundizzjoni jew oħra. NGOs bħal dawn huma dolorożament konxji
bis-sħiħ tat-tagħbijiet enormi li l-biċċa l-kbira
tal-eks-priġunieri diġà jridu jġorru meta jitilqu mill-ħabs
sabiex jibdew ir-ri-integrazzjoni iebsa tagħhom fis-soċjetà. Li
jkomplu, huma stess, itaqqlulhom dawn it-tagħbijiet hija minn ewl
id-dinja. 16.3.2.
Barra minn hekk, huwa anki inkomprensibbli
x’qatt jistgħu jkunu dawk il-kundizzjonijiet li NGO li taħdem
mal-priġunieri u l-eks-priġunieri tista’ timponi. 16.3.3.
Però, aktar minn hekk, MDD mhux biss tqis din
il-proposta tal-WP bħala waħda irrealistika, imma fuq kollox perikoluża.
Għax, għall-argument, jista’ jkollok NGO b’attitudni assolutament
retributtiva u punittiva li dan il-kompitu li timponi tagħbijiet fuq
il-priġunieri jew l-eks-priġunieri tieħdu bil-pjaċir kollu.
Il-leġislatur m’għandux jagħti lok għal perversjoni bħal
din. 16.4.
Min-naħa l-oħra, huwa tabilħaqq
xieraq li l-NGOs ikollhom sehem parteċipattiv fis-sistema tal-parole. Din
mhijiex kwestjoni ta’ xi konċessjoni manjanima, imma ta’ neċessità
naturali. Fi kliem ieħor, hija parti mill-essenza stess tas-sistema
restorattiva li tintroduċi l-WP. Infatti, huwa universalment magħruf
sewwa li l-kunċett tal-ġustizzja restorattiva jagħmel sens biss
jekk il-kwalità essenzjali tiegħu tkun komunitarja. F’dan il-qafas ta’ ħsieb,
huma l-NGOs li jirrappreżentaw din il-kwalità essenzjali. Is-sehem tagħhom
f’din is-sistema ta’ ġustizzja komunitarja mhuwiex (jew m’għandux
ikun) sempliċiment wieħed ta’ kortesija, imma ta’ sħubija
attiva (active partnership). 16.5.
NGO tista’ tabilħaqq tagħti sehem
siewi ħafna, forsi anki determinanti, fis-suċċess tas-sistema
tal-parowl, imma biss jekk ikollha sehem sħiħ fit-tħejjija
tal-PRP minn qabel ma’ priġunier jiġi rilaxxat mill-ħabs.
Għaldaqstant, dak li ġie propost f’#8.9. aktar ’il fuq huwa suffiċjenti
għal dan l-iskop. 17. Possibbiltà ta’ opt out 17.1.
Il-WP tistipula li, fil-bidu tal-inkarċerazzjoni
tiegħu, priġunier eliġibbli għall-parowl irid jagħżel
jibqax taħt is-sistema attwali tar-remissjoni jew jitqegħidx taħt
is-sistema tal-parowl (#2.5, para. 2). 17.2.
Xi ftit jew wisq, din l-għażla ssir
b’mod għami, għax: · F’dak l-istadju hekk kmieni tal-proċess, il-priġunier
in kwestjoni: o La jkun jaf kemm se jgħaddi żmien sakemm jiġi
rrilaxxat bil-parowl, jekk qatt jiġi rilaxxat b’dan il-mod; u o Lanqas ma jkun jaf x’jistgħu jkunu l-kundizzjonijiet
tar-rilaxx imposti fuqu mill-PB jekk dan jaċċettah li jiġi
rilaxxat bil-parowl. · Barra minn hekk, huwa mifhum li l-kundizzjonijiet imposti
mill-PB fuq priġunier li jkun aċċettat li jiġi rilaxxat
bil-parowl, ma jkunux negozzjabbli. 17.3.
Dan iqajjem il-possibbiltà li priġunier,
li in principio ġie aċċettat mill-PB li jingħata
r-rilaxx bil-parowl, jingħata kundizzjonijiet li ma jogħġbuhx
jew ma jridhomx. Il-WP imkien ma tipprevedi l-possibbiltà li, f’dan l-istadju
tardiv tal-proċess, il-priġunier in kwestjoni jista’ jkun irid jirrifjuta
li jiġi rilaxxat bil-parowl u jirritorna għas-sistema tar-remissjoni. 17.4.
Per estensione, aktarx ikun għaqli li l-possibbiltà tal-opt out
ma tkunx limitata biss għall-fażi tardiva tal-proċess, jiġifieri
meta jiġu ffissati l-kundizzjonijiet u kkomunikati lill-priġunier in
kwestjoni, imma wkoll f’kull parti tal-proċess, mill-ewwel mument
tal-għażla oriġinali sal-aħħar aċċettazzjoni
tal-kundizzjonijiet tar-rilaxx fuq parowl u tar-rilaxx innifsu. 17.5.
Għaldaqstant, MDD tipproponi li
l-abbozz tal-liġi dwar il-parowl tkun tinkludi klawsola li, f’kull parti
tal-proċess għar-rilaxx permezz tal-parowl, tagħti lill-priġunier
in kwestjoni l-possibbiltà li jirtira mill-proċess tal-parowl sabiex
jirritorna għas-sistema tar-remissjoni. 18. Kumpens lill-vittmi 18.1.
Il-WP issemmi kemm-il darba l-kumpens
finanzjarju li priġunier rilaxxat fuq parowl hu dovut li jħallas
lill-presunti vittmi tar-reat tiegħu (ara: ## 1.1.2, para. 1; 2.6, para.
7; 6.7, para. 2; u 6.8, para. 1). Il-WP tippreċiża li l-ħlas ta’
dan il-kumpens minn priġunier: · Għandu jiġi “kkunsidrat” bħala waħda
mill-kundizzjonijiet illi l-PB tqis qabel ma tingħata l-parowl (#6.3,
para. 1); u · “Huwa importanti mhux biss għall-vittma, iżda
anki għal min ikun wettaq ir-reat billi b’hekk jinduna li l-azzjonijiet
tiegħu kellhom konsegwenzi negattivi fuq ħaddieħor” (Konk.,
para. 5). 18.2.
MDD tagħmilha ċara li mhijiex kontra
l-kunċett li l-vittmi tal-kriminalità jiġu kkompensati għad-danni
li jkunu batew ħtija ta’ xi reat kriminali. Anzi, tirrikonoxxi li dan hu
wieħed mill-erba’ pilastri l-kbar (flimkien mar-rispett, l-informazzjoni u
l-protezzjoni) tad-drittijiet ta’ vittmi bħal dawn. 18.3.
Il-liġi Maltija diġà
tipprovdi għall-kumpens finanzjarju lill-vittmi mill-offensuri tagħhom.
Bħalma tinnota l-WP stess (## 6.3, para. 2; 6.4, para. 4; u 6.9, para. 3),
dan sar bl-emendi magħmulin fl-Att dwar il-Probation (Kap. 446, Art. 24
(1) u (2)) u bir-Regolamenti dwar Kumpens għal Ħsara Kkawżata
mill-Kriminalità (L.S. 9.12), maħruġa taħt l-artikolu 698
tal-Kodiċi Kriminali, li jimplimentaw id-Direttiva tal-Kunsill 2004/80/KE
dwar kumpens lill-vittmi tar-reati. 18.4.
Dwar l-ewwel punt imsemmi f’#18.1. hawnfuq,
il-leġislatur aktarx qiegħed jinsa li bosta priġunieri li jkunu
se jiġu rilaxxati fuq parowl diġà jkollhom piżijiet
enormi, speċjalment finanzjarji, ma’ xiex jikkumbattu bl-iebes meta jħallu
l-ħabs.[6] Li jiżdidulhom piżijiet
finanzjarji kbar oħra bħala kundizzjoni għar-rilaxx tagħhom
fuq parowl hija inumana. Frankament, hija wkoll irrealistika, mhux
biss għax, minkejja r-rieda tajba kollha tagħhom, eks-priġunieri
bħal dawn ma jkunux f’qagħda fiżikament possibbli għalihom
li jonoraw il-kelma li jkunu taw lill-PB, imma wkoll jista’ jwassal lil tali
priġunieri li, fix-xewqa naturali tagħhom li jinħelsu mill-ħabs,
iwiegħdu xi ħaġa li ma jkunux jistgħu jżommu meta
jkunu rilaxxati. 18.5.
Barra minn hekk, huwa konsiderevolment komuni
li l-multi imposti mill-qrati kriminali fuq priġunieri Maltin jispiċċaw
jitħallsu mill-familji tagħhom. Indubbjament, dan jiġri wkoll
fil-każ li l-ħlas ta’ rikompens lill-vittmi jitqiegħed bħala
kundizzjoni għall-parowl. Il-familji ta’ bosta priġunieri―li, tra
altro, ma jissemmew qatt fil-WP―diġà jkunu ġeneralment
għaddew minn passjoni sħiħa bil-qarib tagħhom, kemm barra
kif ukoll ġewwa l-ħabs. Li jitgħabbew b’piżijiet ulterjuri
huwa tabilħaqq inuman. 18.6.
Dwar it-tieni punt imsemmi f’#18.1. hawnfuq,
hemm modi oħra―u mhux neċessarjament bi ħlas
finanzjarju―li fihom priġunier jista’, kif tgħid il-WP (Konk.,
para. 5), “jinduna li l-azzjonijiet tiegħu kellhom konsegwenzi negattivi
fuq ħaddieħor”. Dawn jistgħu jinkludu programmi strutturati fil-ħabs
ta’ edukazzjoni speċjalizzata dwar l-għarfien u l-prevenzjoni
tal-vittimizzazzjoni, partikularment bħal dawk famużi żviluppati
minn Dr Otmar Hagemann
u Dr Frank Robertz fil-Ġermanja.[7]
Li hu “importanti” huwiex li l-priġunieri eliġibbli għall-parowl
iħallsu xi kumpens finanzjarju lill-vittmi presunti tagħhom, kif
issostni l-WP (Konk., para. 5), imma li tali
priġunieri jagħarfu l-ħsara li setgħu għamlu lilhom
infushom u lil ħaddieħor. 18.7.
Barra minn dan kollu, il-WP aktarx għandha
kunċett dejjaq ta’ min jistgħu jkunu l-vittmi ta’ xi priġunieri.
Il-WP tillimita dawn biss għall-vittmi diretti tar-reati kriminali u
tinjora li kull reat għandu wkoll vittmi indiretti. Wieħed jifhem li
l-priġunier irid ikun konxju ta’ dawn ukoll, għax fosthom ikun hemm
il-qraba u l-familjari tiegħu stess. Ir-rikompensa lil dawn żgur li
mhux se tkun fi ħlasijiet finanzjarji, imma żgur ukoll li għandha
tkun b’għamliet oħrajn. 18.8.
Għaldaqstant,
MDD tipproponi li l-abbozz tal-liġi dwar
il-parowl ma tkunx tobbliga lill-PB timponi xi kumpens finanzjarju lill-presunti vittmi ta’ xi
priġunier. 19. Kumpens lill-vittmi u remissjoni 19.1.
Il-WP tipproponi li l-kumpens finanzjarju
lill-vittmi jiġi inkluż fis-sistema tar-remissjoni (#3.1, para. 5).
Il-leġislatur għallanqas jistqarr li mhuwiex ċar kif dan jista’
jsir u jistieden lill-pubbliku sabiex idawwlu f’dan ir-rigward (ibid.). 19.2.
F’dan il-kuntest, MDD terġa’ tisħaq
bis-sħiħ fuq dak li stqarret f’#18.2. hawnfuq. 19.3.
Filwaqt li tirreferi għal dak li qalet
f’## 18.3. u 18.6. hawnfuq, MDD tixtieq iżżid li, anki f’dan
il-kunest, il-leġislatur qiegħed jinsa għal kollox li bosta priġunier
huma falluti finanzjarjament u mhux rarament mgħobbija b’dejn
konsiderevoli. Jekk ir-remissjoni tagħhom tiġi kondizzjonata għal
xi ħlas ta’ kumpens lill-vittmi presupposti tar-reati tagħhom, allura
għal xi wħud se jkun impossibbli li jibbenefikaw mir-remissjoni, anki
jekk l-imġieba tagħhom fil-ħabs u l-kooperazzjoni tagħhom
ma’ l-awtoritajiet kompetenti tkun impekkabbli. Dan, fil-fehma ta’ MDD, huwa
sempliċiment inġust. 19.4.
Barra minn hekk, f’dan il-kuntest ukoll, MDD
tisħaq fuq il-punt imsemmi f’#18.5. hawnfuq. Il-ħsieb u
l-kunsiderazzjoni tal-familji ta’ bosta priġunieri Maltin m’għandux
jiġi injorat mil-leġislatur fil-konstatazzjoni tal-inklużjoni
fis-sistema tar-remissjoni tal-kumpens finanzjarju lill-vittmi. 19.5.
Għaldaqstant, MDD tħeġġeġ
ħafna lil-leġislatur li din il-proposta tal-WP li l-kumpens
finanzjarju lill-vittmi jiġi inkluż fis-sistema tar-remissjoni tiġi
abbandunata għal kollox. 20. Is-sistema tar-remissjoni 20.1.
F’#3.1, para. 5, il-WP titlob “suġġerimenti
għal xi tibdiliet li jistgħu jsiru fil-proċedura
tar-remissjoni”. 20.2.
Wieħed għandu jżomm f’moħħu
li, primarjament, is-sistema tar-remissjoni ma teżistix għal raġunijiet
riabilitattivi, imma għal raġunijiet dixxiplinarji. Minkejja l-prassi
kurrenti fl-amministrazzjoni tal-ħabs hija li r-remissjoni titnaqqas
jekk priġunier iġib ruħu ħażin jew ma jikkooperax
mal-awtoritajiet karċerarji, flok ma tiżdied (kif tistipula
l-liġi) jekk priġunier iġib ruħu tajjeb jew jikkoopera
mal-awtoritajiet karċerarji, ir-riżultat dixxiplinarju huwa l-istess
wieħed. Fl-aħħar mill-aħħar, huwa dan ir-riżultat
finali li l-aktar jinteressa lill-amministrazzjoni karċerarja. 20.3.
Barra minn hekk, MDD hija tal-fehma li l-metodu
tar-remissjoni kif użata kurrentement hi aktar umana minn dik li
proprjament trid il-liġi. Ir-raġuni ewlenija hija li, bil-prassi
kurrenti, jekk jiddeċiedi li joqgħod bil-għaqal, priġunier
jista’ jikkalkula bi preċiżjoni d-data tal-ħruġ tiegħu.
Dan jgħinu b’mod sinifikanti fil-motivazzjoni tiegħu għal imġieba
tajba u kooperazzjoni waqt li jdum il-ħabs (ħaġa importanti ferm
għall-maniġġjar tal-priġunieri). Għinu wkoll jagħmel
il-pjanijiet meħtieġ tiegħu għall-għajxien tiegħu
barra l-ħabs. Bil-metodu li proprjament trid il-liġi, priġunier
ma jkunx jista’ jagħmel kalkolu bħal dan u jibqa’ kważi sa l-aħħar
tal-inkarċerazzjoni tiegħu ma jafx bl-eżatt meta jkun wasallu li
jinħeles. Dan aktarx inaqqaslu l-motivazzjoni tiegħu u jimpedixxi
kemm lilu kif ukoll lill-familja tiegħu milli jagħmlu l-pjanijiet meħtieġa
għal wara r-rilaxx tal-priġunier mill-ħabs. 20.4.
Għaldaqstant, MDD tissottometti li
s-sistema tar-remissjoni kif kurrentement amministrata mill-awtoritajiet karċerarji
ma tintmess minn kif inhi. 21. Introduzzjoni b’target dates 21.1.
Hu possibbli li l-gvern jikkunsidra li,
fil-fażi inizzjali tagħha, il-parowl tibda’ tingħata lill-priġunieri
b’mod gradwali, jiġifieri tiddaħħal fis-seħħ b’target
dates differenti. MDD ma tqisx li din hija xi idea ħażina, anki għaliex
tifhem li fil-fażi inizzjali tagħha s-sistema tkun trid tiġi
ppruvata u modifikata skond ma juru l-ħtiġijiet operazzjonali. Barra
minn hekk, għandu jiġi aċċertat kemm jista’ jkun li
fl-ewwel istanzi tagħha s-sistema tal-parowl ikollha s-suċċess
mixtieq. 21.2.
Minkejja dan, wieħed għandu joqgħod
attent ħafna kif issir din il-phasing in biex issir b’mod kemm
jista’ jkun adegwata. 21.3.
Għaldaqstant, MDD tissuġġerixxi
li, jekk tiġi adoperata din is-sistema għall-introduzzjoni
tal-parowl: 21.3.1. L-ewwel
li għandhom jiġu kkunsidrati għall-parowl ikunu priġunieri
b’sentenzi ta’ anqas minn erba’ snin li ma jkollhom ebda storja ta’ abbuż
mid-droga, la fil-ħabs u lanqas qabel ma ddaħħlu l-ħabs. 21.3.2. It-tieni
li għandhom jiġu kkunsidrati għall-parowl ikunu priġunieri
b’sentenza ta’ aktar minn minn erba’ snin li ma jkollhom ebda storja ta’
abbuż mid-droga, la fil-ħabs u lanqas qabel ma ddaħħlu l-ħabs. 21.3.3. It-tielet
għandhom jibdew jiġu kkunsidrati dawk il-priġunieri li, minkejja
li fl-imgħoddi jkollhom xi storja ta’ abbuż mid-droga, fil-ħabs
u qabel ma ddaħħlu l-ħabs, huma fit-triq tar-riabilitazzjoni. 21.3.4. Fl-aħħarnett,
wara żmien xieraq, għandhom jiġu kkunsidrati dawk il-priġunieri
li għandhom storja ta’ abbuż mid-droga, fil-ħabs u qabel ma ddaħħlu
l-ħabs, u li ma jkunu wettqu ebda programm ta’ riabilitazzjoni
mill-abbuż tagħhom. 22. Applikabbilità retro-attiva 22.1.
Hu possibbli li l-gvern jikkunsidra wkoll jekk
l-eliġibbiltà għall-parowl tkunx retro-attiva jew le u, jekk
retro-attiva, għal kemm. 22.2.
F’dan ir-rigward, wieħed għandu
jżomm f’moħħu li waħda mill-miri ewlenin għall-introduzzjoni
tal-parowl hija li tiddaħħal sistema riparatriċi fil-ħabs
b’mod immedjat u ġenerali. Minn dan il-lat, ma jkunx jagħmel sens li
l-parowl tiddaħħal b’mod li ma tkunx totalment retro-attiva. 22.3.
Għaldaqstant, MDD tissuġġerixxi
li s-sistema tal-parowl tiddaħħal b’mod retro-attiv għall-priġunieri
kollha attwali. 23. Akkademja Annwali tal-Bord tal-Parowl 23.1.
Kull sena, fl-Ingilerra u Wales il-Parowl Bord
jorganizza tliet avvenimenti interessanti: il-Parole Board Annual Conference, il-Parole Board Annual Lecture
u l-Parole Board Development Days.[8]
L-iskopijiet ewlenin ta’ dawn l-avvenimenti annwali jidher li huma sabiex jagħtu
sens ta’ trasparenza u kontabbilità lill-ħidma tal-PB u sabiex is-sistemi
u l-proċess mħaddma―speċjalment fir-riabilitazzjoni u f’ri-integrazzjoni tal-priġunieri―jibqgħu jiżviluppaw
u jitjiebu. 23.2.
Il-WP tistabbilixxi li l-PB irid jagħmel
rapport annwali bil-miktub lill-Ministru tal-Ġustizzja (#2.14, para. 1),
liema rapport imbagħad jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tad-Deputati
u quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Soċjali (#2.14,
para.). 23.3.
Mhuwiex rari li rapport importanti bħal
dan imsemmi hawnhekk ma jinġiebu qatt għall-attenzjoni
tal-pubbliku jew tal-professjonisti li jistgħu jaraw fih għodda
siewja għall-istħarriġ u l-istudji tagħhom. 23.4.
Għaldaqstant, MDD tipproponi li ta’ kull
sena l-Ministeru tal-Ġustizzja jorganizza Akkademja Annwali tal-Bord
tal-Parole
li fiha, apparti li jiġi mxandar pubblikament ix-xogħol tal-PB u
l-istituzzjonijiet marbuta miegħu, issir riflessjoni fuq il-proċessi
ta’ riabilitazzjoni u ri-integrazzjoni tal-priġunieri. Parti iII ĠABRA TAR-RAKKOMANDAZZJONIJIET 1. Parole Eligibility Date (#5.4.
hawnfuq) Rigward il-Parole Eligibility Date (PED), is-sistema
Maltija tkun hekk: · Għal priġunieri li s-sentenza/i tagħhom
ikunu ta’ bejn sena u erba’ snin, il-PED tagħhom tkun ta’ terz
tal-ammont tas-sentenza/i. · Għal priġunieri li s-sentenza/i tagħhom
ikunu ta’ aktar minn erba’ snin, il-PED tagħhom tkun ta’ nofs
l-ammont tas-sentenza/i. 2. Priġunieri b’sentenza ta’ għomor (#6.8. u
#6.10. hawnfuq) Rigward il-każijiet ta’ priġunieri b’sentenza ta’
għomor li jridu l-parowl: · Tiġi eliminata għal kollox mill-abbozz tal-liġi
dwar il-parowl il-ħtieġa ta’ prerogattiva ta’ maħfra presidenzjali
(ara WP #2.9, punt 7); · Tiddaħħal klawsola li tistipulixxi li, qabel ma
jieħu deċiżjoni finali fuq ir-rilaxx jew iċ-ċaħda
tar-rilaxx tal-priġunier in kwestjoni, l-OAB irid neċessarjament
jinforma lill-Ministru responsabbli għall-Ġustizzja u jieħu
l-parir tiegħu fir-rigward. · Dawk il-priġunieri li
attwalment is-sentenza ta’ għomor il-ħabs hija finali, il-PED
tagħhom tkun 18-il sena mill-bidu ta’ l-inkarċerazzjoni tagħhom.
Din iċ-ċifra hi kkalkolata fuq nofs sentenza massima tal-ewwel grad,
jiġifieri ta’ 35 sena (li tammonta għal 17-il sena u 6 xhur). · Ċaħdiet suċċessivi
ta’ parowl ma jkunux jistgħu jeċċedu 23 sena ta’ priġunerija,
meta mbagħad l-għoti tal-parowl isir mandatorju. Din iċ-ċifra
hi kkalkolata fuq ir-riżultat ta’ sentenza tal-ewwel grad ta’ 35 sena
bir-remissjoni mnaqqsa (li tammonta għal 23 sena u 4 xhur). 3. Priġunieri barranin (#7.10. hawnfuq) Rigward il-priġunieri barranin, jiġi eliminat għal
kollox mil-lista ta’ kategoriji ta’ priġunieri sentenzjati li ma jikkwalifikawx
għall-PL (ara WP #2.9) il-kliem: · “dawk detenuti skond l-Att ta’ l-Immigrazzjoni (Kap. 217)”
(ibid., punt 1); u · “persuni mhux ċittadini Maltin li jkunu ser jiġu
deportati kif jiskontaw is-sentenza” (ibid., punt 3). · Tiddaħħal klawsola li tkun bħalma ġej
(jew xi ħaġa simili): Persuni
mhux ċittadini Maltin li s-sentenza finali tagħhom tinkludi
deportazzjoni fi tmiem il-pieni karċerarja tagħhom, wara l-proċeduri
dovuti kollha: (a) Jekk ikunu ċittadini tal-Unjoni
Ewropea jew ikollhom Shengen Visa, jiġu soġġetti għal
kundizzjonijiet xierqa għalihom, rilaxxati u deportati immedjatament bi
ftehim għall-ħarsien tagħhom mill-awtoritajiet kompetenti
fl-Istat Membru li fih il-persuni in kwestjoni huma legalment u ordinarjament residenti, skond id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill ta’
l-Unjoni Ewropea 2008/947/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 ‘dwar
l-Applikazzjoni tal-Prinċipju ta’ Rikonoxximent Reċiproku ta’
Sentenzi u Deċiżjonijiet li jinvolvu Probation bil-ħsieb ta’
Sorveljanza ta’ Miżuri ta’ Probation u ta’ Sanzjonijiet Alternattivi’.[9] (b)
Jekk ma jkunux ċittadini tal-Unjoni Ewropea jew
ma jkollhomx Shengen Visa, jiġu rilaxxati u deportati immedjatament
b’kundizzjoni prevja li ma jkunux jistgħu jerġgħu jidħlu
fil-gżejjer Maltin jew fl-Unjoni Ewropea, jew jingħataw Visa għal
tali skop, sa żmien espressament stipulat fir-rilaxx tagħhom. 4. Priġunieri barranin bil-multa (#8.4. hawnfuq) Priġunieri barranin li, flimkien mas-sentenza karċerarja
tagħhom, ikollhom ukoll multa x’jikkonvertu fi priġunerija, jingħataw
xorta waħda l-parowl (inkluż id-data ta’ deportazzjoni), iżda ma
jkunux jistgħu jiġu deportati qabel ma jiskontaw il-perjodu ta’ ħabs
relevanti għall-multa li jkunu kkonvertew fi priġunerija. 5. Priġunieri ‘vjolenti’ (#9.3. hawnfuq) Dwar priġunieri dikjarati vjolenti u/jew
perikolużi mill-qrati kirminali, jiġi eliminat għal kollox
mil-lista ta’ kategoriji ta’ priġunieri sentenzjati li ma jikkwalifikawx għall-PL
(ara WP #2.9) il-kliem: “priġunieri meqjusa mill-qorti li huma vjolenti
u/jew meqjusa li huma perikolużi” (ibid., punt 6). 6. Preskrizzjoni mill-qrati tal-PED (#10.4.
hawnfuq) Dwar il-possibbiltà li l-qrati kriminali jingħataw
il-prerogattiva li jippreskrivu l-PED ta’ priġunier, l-abbozz finali ta’
liġi dwar il-parowl m’għandux jagħti l-prerogattiva lill-qrati
kriminali li jkunu jistgħu jagħmlu preskrizzjoni bħal din. 7. Offender Assessment Board u l-Parole Clerk (#11.4.
hawnfuq) Fir-rigward tal-Offender Assessment Board (OAB) u l-Parole
Clerk (PC): · Il-PC jiġi eliminat għal kollox u d-dmirijiet
tiegħu jiġu assunti mill-OAB. ·
L-Inmates Assessment Unit (IAU) tal-ħabs
jiġi eliminat u minfloku jinħoloq l-OAB bil-kompetenzi kollha
assenjati lilu mill-WP. · Filwaqt li jibqa’ statutorjament parti mill-Probation
Office, l-OAB ma jkunx allokat il-Belt, imma fil-ħabs ta’ Kordin. 8. Prisoner Resettlement Plan (#12.11.
hawnfuq) Fir-rigward tal-Prisoner Resettlement Plan (PRP),
l-OAB ifassal―b’metodu li jkun konvenjenti għalih―il-PRP ta’
kull priġunier konċernat fi sħubija mal-priġunier
innifsu, mal-Probation Office u l-PO, kif ukoll (fejn u meta jkun meħtieġ)
mal-aġenzija li tieħu ħsieb l-akkomodazzjonijiet soċjali,
l-ETC, l-uffiċċju tas-sigurtà soċjali, l-NGOs relevanti għall-każ
u l-familja tal-priġunier konċernat. 9. Parowl
Bord (#13.6. hawnfuq) Rigward il-formazzjoni tal-Parowl Bord (PB), għal
aktar effiċjenza u kontabbilità tiegħu: 10. Parole Officer (#14.6. hawnfuq) Rigward il-Parole Officer (PO): · L-abbozz finali ta’ liġi dwar il-parowl għandu
jiddefinixxi b’mod ċar in-natura speċifika u d-dmirijiet tal-PO
(distint u divers minn dak tal-Probation Officer); u · Għandu diddefinixxi wkoll b’mod ċar ir-rwol speċifiku
li għandu jkollu l-PO mal-klijenti tiegħu. 11. Probation Service Victim Support Unit (#15.3. hawnfuq) Rigward il-Probation Service Victim Support Unit
(PSVSU), jinbidel l-isem ta’ din l-istituzzjoni sabiex jitneħħa minnu
t-terminu ‘support’ (u forsi jiġi: Probation Service Victim Unit
jew PSVU). 12. Possibbiltà ta’ Opt Out (#17.5. hawnfuq) L-abbozz tal-liġi dwar il-parowl tkun tinkludi
klawsola li, f’kull parti tal-proċess għar-rilaxx permezz tal-parowl,
tagħti lill-priġunier in kwestjoni l-possibbiltà li jirtira mill-proċess
tal-parowl sabiex jirritorna għas-sistema tar-remissjoni. 13. Kumpens lill-vittmi (#18.8.
hawnfuq) Dwar il-kumpens tal-priġunieri
lill-presupposti vittmi tagħhom, l-abbozz
tal-liġi dwar il-parowl ma tkunx tobbliga lill-PB timponi xi kumpens finanzjarju lill-presunti
vittmi ta’ xi priġunier. 14. Kumpens lill-vittmi u remissjoni (#19.5.
hawnfuq) Rigward li l-kumpens finanzjarju lill-vittmi jiġi
inkluż fis-sistema tar-remissjoni, din il-proposta għandha tiġi
abbandunata għal kollox. 15. Remissjoni (#20.4.
hawnfuq) Rigward is-sistema tar-remissjoni kif kurrentement
amministrata mill-awtoritajiet karċerarji, din m’għandhiex tintmess
minn kif inhi bħalissa. 16. Introduzzjoni b’target dates (#21.3.
hawnfuq) Jekk tiġi adoperata sistema ta’ phasing in għall-introduzzjoni
tas-sistema tal-parowl: 17. Applikabbilità retro-attiva (#22.3. hawnfuq) Is-sistema tal-parowl għandha tiddaħħal
b’mod retro-attiv għall-priġunieri kollha attwali. 18. Akkademja
Annwali tal-Bord tal-Parole
(#23.4. hawnfuq) Ta’ kull sena l-Ministeru tal-Ġustizzja jorganizza Akkademja
Annwali tal-Bord tal-Parole li fiha, apparti li jiġi mxandar pubblikament ix-xogħol
tal-PB u l-istituzzjonijiet marbuta miegħu, issir riflessjoni fuq il-proċessi
ta’ riabilitazzjoni u ri-integrazzjoni tal-priġunieri. TMIEM IL-POSITION PAPER Dwar
il-White Paper fuq il-Ġustizzja Riparatriċi Tal-Ministeru
tal-Ġustizzja u l-Intern maħruġa fi Frar tal-2009 mID-DLAM GĦAD-DAWL – Malta
2009 [1] eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:32008F0947:EN:NOT [2] Dwar dan, ara: The Resettlement of Maltese
Prisoners (2008) ta’ Mid-Dlam għad-Dawl, Malta, pp. 49-50. [3] Dwar dan, ara: ibid., pp. 47-48. [4] Dwar dan, ara: ibid., pp. 50-51. [5] Ara: www.victimsupportmalta.org. [6] Dwar dan, ara: The Resettlement of Maltese
Prisoners (2008) ta’ Mid-Dlam għad-Dawl, Malta, pp. 99-100. [7] Dwar dawn, ara:
www.worldsocietyofvictimology.org/publications/wsv12.html u
www.restorativejustice.org/articlesdb/articles/3901. [8] Ara: www.paroleboard.gov.uk [9] Ara nota #1 hawnfuq.


